Lokali

Robert Abela jwaħħal f’terzi viċin Joseph Muscat

Ir-rapport pubblikat f’gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd ilbieraħ dwar il-ġid mhux spjegat li għandu Robert Abela u dwar numru ta’ transazzjonijiet suspetturi fil-kontijiet bankarji tal-familja tiegħu, b’mod partikulari dawk li jirriżultaw mill-Bank of Valletta xejn ma niżlu tajjeb ilbieraħ la ma’ Robert Abela u anqas mal-familja Abela b’mod inġenerali.

Issa jidher ċar ħafna li direttament wara Robert Abela hemm terzi li mhux biss qegħdin isegwulu l-passi fil-beraħ tiegħu, imma anki fatti privati li jifformaw parti mill-ħajja suppost mistura tiegħu u tal-familja Abela.

Robert Abela deher skomdu ħafna waqt il-laqgħa solita tal-Ħadd filgħodu li jorganizza l-Partit Laburista, għalkemm fl-ebda ħin m’għamel xi riferenza għal dan ir-rapport intitolat: ‘Internal bank review raised red flags on Abela accounts’.

Deher ċar ukoll anki waqt id-diskors tiegħu li moħħu lbieraħ filgħodu kien xi mkien ieħor… probbabbilment dwar dan ir-rapport li għalih jista’ jitqies bħala daqqa tajba taħt iċ-ċintorin u probabbilment ukoll dwar id-diskors tas-Sibt filgħaxija fi Pjazz Tritoni li ħallih maqbud jiggrilja lilu nnifsu fuq nar bati mingħajr ma jaf Joseph Muscat x’se jkun qiegħed jiddeċiedi.

Bla dubju ta’ xejn li r-rabja ta’ Robert Abela lbieraħ hi li issa l-kunflitt ‘Robert Abela-Joseph Muscat’ qiegħed jilħaq livelli differenti… ħafna aktar personali u dirett b’tali mod li jolqot fil-laħam il-ħaj.

Naturalment l-akbar mistoqsija hi kif immatura dan ir-rapport pubblikat fil-paġna 1 ta’ din il-gazzetta tal-Ħadd bl-Ingliż; min ġietu l-mistoqsija li issa jibda jgħarrex fil-kontijiet privati ta’ Robert Abela

u tal-familja Abela. Naturalment dan kollu jpoġġi lill-istess Robert Abela u lill-familja f’pożizzjoni xejn komda.

U sorsi viċin ta’ Robert Abela lbieraħ waranofsinhar mitkellma minn In-Nazzjon qalulna li s-swaba qed jindikaw terzi viċin Joseph Muscat bl-iskop preċiż li jkomplu jagħmlu ħsara lil Robet Abela.

“Jekk il-logħba fil-konfront ta’ Robert Abela se tintlagħab fuq dan il-livell, allura Robert Abela jaqbillu llum qabel għada jagħlaq il-kapitlu u jmur igawdi ġidu fil-kwiet u lil hinn minn kull attenzjoni pubblika,” qalilna s-sors li tkellem magħna lbieraħ waranofsinhar u li żied jgħilna wkoll li mill-ftit li jaf hemm ħafna affarijiet oħrajn li se jkunu qed jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin b’tali mod li Robert Abela litteralment se jkun mifni bi kwistjonijiet direttament li jikkonċernaw lilu.

Żied jgħidilna dan is-sors li attalment Robert Abela hu mifni bi problemi kbar ħafna li ġab fuqu nnifsu hu stess, fuq quddiemnett il-kwistjoni dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia fejn biex jgħatti xturu u terzi oħrajn baqa’ jiċħad milli ssir Inkjesta Pubblika dwar dak li ġara fit-3 ta’ Diċembru tal-2022.

Iżda mbagħad hu mdawwar b’ħafna sharks madwaru fil-Kabinett tal-Ministri li wkoll qed imermruh minn taħt. Għaliex jekk il-familja – anzi Robert Abela nnifsu – qed jippuntaw subgħajhom fil-konfront ta’ Joseph Muscat u ta’ terzi qrib l-Eks Prim Ministru, min jista’ jassigurah li wara kollox l-istorja tal-bieraħ wellidhiex xi membru tal-Kabinett li għandu kuntatti diretti mal-Banek, fosthom mal-Bank of Valletta?

Is-sors ta’ In-Nazzjon kompla jgħidilna li Robert Abela – għaliex m’għandu l-ebda kariżma u għaliex għandu rasu iebsa u egoist – kemm ilu fit-tmun tal-Gvern u tal-Partit Laburista rnexxielu jagħmel għedewwa diretti tiegħu fuq kull livell… fil-Kabinett tal-Ministri, fil-Grupp Parlamentari Laburista u anki fost dawk involuti fit-Tmexxija tal-Partit Laburista.

“Kbira wisq il-firxa ta’ għedewwa u ta’ dawk li jridu jagħmlulu l-ħsara li rnexxielu jagħmel u għalhekk hu diffiċli ħafna li jidentifika min qiegħed jgħaddi l-istess lill-midja,” qalilna s-sors ta’ In-Nazzjon.

Is-sors ta’ In-Nazzjon ġibdilna l-attenzjoni li r-rapport pubblikat ilbieraħ jgħid b’mod preċiż li: “Reviżjoni interna tal-Bank of Valletta tal-kontijiet ta’ Robert u Lydia Abela qajmet bnadar ħomor ta’ aktar minn €1 miljun fi transazzjonijiet potenzjalment ‘suspettużi’. Ir-reviżjoni saret ftit wara li Abela sar Prim Ministru f’Jannar tal-2020.”

Dan ifisser li min għamel dan l-eżerċizzju t’ skrutinju dwar transazzjonijiet minn Robert Abela u mill-familja tiegħu, s’issa, iffoka biss fuq il-perjodu ta’ meta Robert Abela kien biss membru konsultattiv tal-Kabinett tal-Ministri u Konsulent ta’ Kastilja. Jiġiferi qabel daħal fit-tmun tal-Gvern u tal-Partit Laburista.

“Allura min qallek li eżerċizzju simili ma sarx ukoll għall-perjodu minn meta Robert Abela daħal fiż-żarun li jinsab fih illum? Għaddew ftit tas-snin issa hux! U bużullotti ta’ transazzjonijiet suspettużi tgħid ma jeżistux ukoll?” qalilna s-sors tagħna.

Bla dubju ta’ xejn li aktar ma Robert Abela jiċħad dwar dawn it-transazzjonijiet suspettużi u dwar kemm hu dejjem jagħmel l-affarijiet sew, aktar se jkun qiegħed idawwar l-opinjoni pubblika kontra tiegħu.

Kontra tiegħu għaliex in-nies hemm barra dwar Robert Abela qegħdin jagħmlu ħafna mistoqsijiet diretti u leġittimi, fosthom kif xtara proprjetajiet fix-Xewkija u minfejn ġew il-flus?; kif xtara l-proprjetà taż-Żejtun u minfejn ġew il-flus?; u kif xtara l-jott lussuż li għandu u jmantnih u minfejn ġew u qegħdin jiġu l-flus?

Hu stat ta’ fatt li Robert Abela suppost li għandu biss dħul ta’ Prim Ministru. Imma dawn l-investimenti kollha ma tagħmilhomx bil-paga ta’ Prim Ministru. Hu evidenti li jrid ikollhom dħul ieħor. Forsi aktar minn dħul ieħor biex tkun tista’ tagħmel dawn l-investimenti u kapriċċi!

F’soċjetà ċkejkna bħal tagħna fejn l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu u fejn kulħadd jaf lil xulxin, Robert Abela qiegħed jissogra bil-kbir ħafna… issa aktar u aktar meta biċ-ċar hemm min hu qiegħed direttament warajh… u r-rapport tal-bieraħ kixef li hemm min akkost ta’ kollox mhux se jaħfirilu għal dak li ġarrab mingħandu!

Fir-rapport tal-bieraħ jingħad ukoll li: Fost it-transazzjonijiet ‘suspettużi’ enfasizzati fir-reviżjoni kien hemm tliet ħlasijiet li jammontaw għal €640,000 li saru minn Robert Abela lil martu bejn l-2017 u l-2019.

Interessanti iżda li Lydia Abela “irrifjutat” milli tagħti lill-Bank of Valletta kopji tad-denunzji tat-taxxa tagħha, u dan wassal biex kompliet tkabbar is-suspetti tal-Bank… tgħid ir-reviżjoni.

Ta’ min ifakkar f’dan il-kwadru li l-Avukati huma fost dawk il-faxxa ta’ professjonisti li jaħdmu għal rashom u li jistgħu jnaqqsu d-dħul taxxabbli tagħhom billi jpaċuh mal-pretensjonijiet tal-ispejjeż.

Imma hawnhekk għandha storja bil-wisq differenti għaliex fin-nofs hemm transazzjonijiet li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro u li fihom infushom iqanqlu diversi suspetti serji!