“Preżentament għandna żewġ mexxejja fil-Labour li qed jikkompetu għall-attenzjoni; dawn huma Joseph Muscat u Robert Abela.”
Hekk iddikjara l-editorjal tal-ġurnal MaltaToday hekk kif qed tkompli toħroġ fid-deher il-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista.
L-editorjal stqarr illi wara li Joseph Muscat irritorna fix-xena, issa qed iqum tħassib kbir dwar min verament qed jieħu d-deċiżjonijiet fil-Partit Laburista. Fil-fatt, waqt attività li organizza l-MEP Alex Agius Saliba, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat prova jiddetta l-proposti tal-Labour għall-għaxar snin li ġejjin. Dan apparti li pprova jiddefendi lilu nnifsu fil-konfront tal-korruzzjoni.
Hawnhekk, l-editorjal qal li d-diskors kien evidenti li kien wieħed ta’ mexxej, u mhux ta’ wieħed li huwa sempliċiment membru fil-Partit Laburista.
Apparti minn hekk, l-editur qal li l-fatt li għandna żewġ mexxejja fil-Labour li qed jikkompetu għall-attenzjoni, tindika b’mod ċar li din is-sitwazzjoni se jkollha konklużjoni diżastruża.
Il-MaltaToday tgħid illi ż-żewġ fazzjonijiet jaf ma jidhrux daqstant evidenti għaliex preżentament Robert Abela u Jospeh Muscat għandhom għan wieħed – li jippruvaw jirbħu l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Iżda l-editur jinsisti li Muscat qed jagħmel dan kollu għal skop wieħed biss – biex jekk l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-isptarijiet ma tkunx favurih, ikun jista’ jinħeba wara l-appoġġ tal-partitarji.
//= $special ?>