Lokali

“Tradituri” – dramm għall-Ġimgħa Mqaddsa mill-perspettiva ta’ Ġuda l-Iskarjota

Wara is-suċċess tas-sena oħra bi dramm “Mrar”, il-Kumpanija Teatrali Tius Production, se terġa’ ttella dramm ieħor tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta “Tradituri”, b’kitba oriġinali ta Roderick Castillo.

Din is-sena l-istorja se tkun fuq il-familja ta’ Ġuda l-Iskarjota u l-Passjoni ta Sidna Ġesù Kristu mill-għajn ta Ġuda. Kif sejrin naraw lil Ġuda minn tifel ferrieħi bħal tfal oħra, wara diżgrazzja li ġrat fil-familja inbidel għal persuna mimlija b’rabja u mibgħeda lejn Ruma u lejn missieru. Għala Ġuda kellu rabja u mibgħeda lejn missieru? Tgħid missieru kellu x’jaqsam ma diżgrazzja? Ħa naraw lil Pilatu (dan il-karratru ser jinterpretah l-attur stabilit Henry Zammit Cordina) il-moħħ li ried joqtol lil Ġesù.

Il-qassisin din għoġbithom sforz l-għira tagħhom lejn Ġesù għax bdew jitilfu il-popolarità tagħhom, b’hekk huma ukoll riedu joqtluh. X’inhi r-raġuni li Pilatu ried joqtol lil Ġesù? Minn min kien imxewwex Pilatu? X’wassal lil Pilatu li jbiddel fehmtu u beda jħares b’mod differenti lejn Ġesù?

Ħa naraw lil Ġuda l-Iskarjota (parti interpretata mid-direttur Roderick Castillo) imur hu stess għand il-qassisin u anke għand Pilatu, biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. X’wassal lil Ġuda biex jitradixxi lil Imgħallem tiegħu? X’kellu f’moħħu biex jagħmel dan? Id-diżgrazzja tal-familja ta Ġuda u l-istorja traddizjonali kif ser jingħaqdu u jsiru storja waħda?

Id-dati li se jittella dan id-dramm se jkunu il-Ġimgha 15 ta Marzu fis-19:00, is-Sibt 16 ta Marzu fi 19:00 u il-Ħadd 17 ta Marzu fit-15:00, fit-Teatru tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Tistgħu tixtru l-biljetti mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista jew iċċemplu fuq 25965262/ 25965460.