Lokali Qorti

Wieħed mis-seba’ Sirjani akkużati b’terroriżmu jingħata l-pleġġ

Wieħed mis-seba’ Sirjani akkużati b’terroriżmu b’rabta mal-organizzazzjoni ISIS ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li laqgħet talba tad-difiża fejn ġew impost kundizzjonijiet mill-aktar ħorox fil-konfront tiegħu. Ajil Al Muhsen, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000, garanzija personali ta’ €30,000 u €50,000 oħra minn persuna jew persuni li jridu jagħmlu tajjeb għalih.

Al Muhsen irid ukoll ikun id-dar fid-9pm u ma joħroġx qabel il-5am, jiffirma darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u jkun taħt osservanza ta’ uffiċjal tal-probation. Huwa ġie ordnat ukoll li ma jkellimx lis-sitt akkużati l-oħra u x-xhieda tal-prosekuzzjoni. It-talba għall-ħelsien mill-arrest saret minn wieħed mill-Avukati tiegħu, Josè Herrera.

L-akkużati li kienu ġew arrestati fi tmiem April li għadda huma Ajil Al Muhsen, Adnan Maashi, Yazan Abdulkaziz, Ahmed Kadas, Khalil Al Mahmoud, Ahmed Ahmed u Mohammed Mohammed. Huma għandhom bejn 21 u 27 sena.

Mill-provi fil-qorti rriżulta li numru ta’ Sirjani bdew jippubblikaw posts fuq il-mezzi soċjali tagħhom dwar it-terroriżmu Jihadist. Minħabba li bdew jiżdiedu l-posts tal-grupp li kienet kollha propaganda Jihadista, fosthom fuq Instagram u TikTok. Dawn kienu jmorru jitolbu l-Moskea ta’ Santa Venera u mhux ta’ Raħal Ġdid, u kienu ħbieb ħafna u joħorġu flimkien. Huma Musulmani Sunni.

Kien għalhekk li fl-20 ta’ Marzu tas-sena l-oħra nfetħet inkjesta bil-Maġistrat bl-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin. Dan kien irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur Jean Paul Attard meta kien qed jagħti d-depożizzjoni tiegħu fil-Qorti.

Ajil Al Muhsen, Khalil Al Mahmoud u Adnan Maashi ta’ 21 sena,, Yazan Abduklaziz 26, Ahmed Kadas 25, Ahmed Ahmed 27, u Mohammed Mohammed ta’ 24 sena, li kollha huma mis-Sirja, kienu tressqu l-Qorti nhar il-Ħadd 30 ta’ April fuq numru kbir ta’ akkużi relatati mat-terroriżmu.

Huma kienu ġew arrestati l-ġurnata ta’ qabel wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Maltin, li aktar tard kienet tinvolvi wkoll lill-Europol. L-irġiel huma akkużati li qassmu materjal immirat biex jinċita atti ta’ terroriżmu; ir-reklutaġġ jew it-tħeġġiġ ta’ persuni biex iwettqu atti ta’ terroriżmu jew biex jivvjaġġaw barra mill-pajjiż bħala parti minn pjan terroristiku; jirċievu u jipprovdu taħriġ dwar l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi speċifikament għal skopijiet relatati mat-terroriżmu.

L-ispetturi Jeffrey Cutajar u Jean Paul Attard qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco Refalo u Rebeca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb, Robert Galea u Alicia Borg huma l-avukati difensuri.