Lokali

Aktar minn 27% tal-popolazzjoni esperjenzaw abbuż mill-ġenituri meta kienu taħt il-15-il sena

27.7% tal-popolazzjoni bejn 18 u 74 sena esperjenzaw abbuż fiżiku jew emozzjonali matul it-tfulija tagħhom, waqt li 27.1% minn dawk li esperjenzaw forma ta’ abbuż huma subien … u esperjenzaw dan l-abbuż  minn missierhom.

Skont dan l-istħarriġ li sar mill-NSO fl-2022, 3.4% tal-popolazzjoni ta’ taħt il-15-il sena esperjenzaw abbuż sesswali u 1% esperjenzaw dan l-abbuż minn xi qarib tagħhom; b’nofs il-persentaġġ ta’ dawk li esperjenzaw abbuż matul it-tfulija tagħhom jagħmlu rapport lill-Pulizija jew jitkellmu ma’ xi adult.

60% tat-tfal li esperjenzaw abbuż sesswali kellhom bejn il-11 u 15-il sena, waqt li kważi 40% kienu taħt l-10 snin.

L-istħarriġ juri wkoll li 1 minn kull ħames persuni taħt il-15-il sena esperjenzaw abbuż emozzjonali jew fiżiku bejn il-ġenituri tagħhom.

Is-survey li fih ħadu sehem mal-5,000 persuna, wera  li 11% tal-irġiel u iktar minn 27% tan-nisa esperjenzaw forma ta’ fastidju fil-post tax-xogħol. Bi 12% jgħidu li esperjenzaw lil xi ħadd jiċċassa lejhom jew iħares lejhom b’mod malizzjuż, 10% jgħidu li espejenzaw ċajt baxx, u madwar 5% qalu li espejenzaw tbagħbis mingħajr kunsens.

Madanakollu, aktar min-nofs il-popolazzjoni temmen li fil-post tax-xogħol ma jsirx sexual harrassment, waqt li iktar minn 18% qalu li l-fastidju huwa komuni ħafna jew pjuttost komuni. L-istħarriġ wera wkoll li terz tal-popolazzjoni li ġili ħadmet, ma tafx mezz kif tista’ ssib għajnuna dwar sexual harresment fil-post tax-xogħol stess.

Dan l-istħarriġ wera li 22.5% tal-persuni li ġieli kellhom partner intimu, esperjenzaw att ta’ vjolenza tal-inqas darba, u l-persentaġġ jogħla fost persuni ta’ anqas minn 30 sena.

Ftit inqas minn 5% esperjenzaw vjolenza psikoloġika mill-partner li qegħdin f’relazzjoni miegħu fil-preżent, waqt li ftit iktar minn 18% esperjenzaw vjolenza mill-eks partner tagħhom.

Fost dawk li esperjenzaw abbuż mill-partner tagħhom, 21.3% esperjenzaw abbuż psikoloġiku waqt li 10.4% esperjenzaw abbuż fiżiku jew sesswali – inkluż daqqiet ta’ ħarta, ħruq, daqqiet ta’ ponn, attentat ta’ stupru, atti sesswali bla kunsens kif ukoll li jisfurzaw atti sesswali ma persuna terza.

Dan l-istħarriġ wera wkoll li hemm perċezzjoni akbar li ssir vjolenza mill-partners fuq in-nisa milli fuq l-irġiel, hekk kif 80% jemmnu li ssir vjolenza intima fuq in-nisa.