Il-Bank HSBC Malta ħabbar għotja ta’ donazzjoni ta’ diversi tote bags bl-għan li jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom biex tikber il-kuxjenza dwar is-saħħa mentali f’Malta. Dawn il-basktijiet huma mżejna apposta bin-numru 1579, li wieħed għandu juża’ f’każ li jkollu bżonn għajnuna marbuta mas-saħħa mentali. Dan in-numru hu riżorsa kruċjali, għaliex dan iċ-ċentru ta’ għajnuna hu disponibbli 24/7 għal kulħadd.
Din l-inizjattiva għandha l-objettiv tagħha li tqajjem għarfien dwar l-isfidi tas-saħħa mentali li jiffaċċjaw l-individwi u dwar l-appoġġ disponibbli permezz tal-helpline 1579. Dan is-servizz jitmexxa minn psikologi professjonali li joffru appoġġ emozzjonali b’xejn, pariri, u gwida prattika lil kull min hu fil-bżonn. Dan is-servizz jopera fuq il-prinċipju ta’ kunfidenzjalitá, li jippermetti lill-individwi li jkunu qed ifittxu l-għajnuna sabiex jibqgħu anonimi u mingħajr ġudizzju.
Stephanie Xuereb, il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-Fondazzjoni HSBC Malta għall-kontribut maħsub tagħhom, waqt li Paula Vassallo, id-Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, enfasizzat l-importanza li inizjattivi bħal dawn ikomplu jamplifikaw il-promozzjoni tal-benesseri mentali.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard joffri wkoll programmi ta’ reżiljenza bla ħlas imfassla biex jagħtu direzzjoni lill-parteċipanti sabiex jibnu drawwiet u ħiliet ewlenin li jgħinu fil-ġestjoni tal-istress u b’hekk ikunu jistgħu jegħlbu ħafna mill-isfidi tal-ħajja.
Michel Cordina, id-Direttur Eżekuttiv ta’ HSBC Malta u d-Deputat President tal-Fondazzjoni HSBC Malta, saħaq l-importanza tal-appoġġ tal-Fondazzjoni għal dawn it-tip ta’ inizjattivi favur il-ħarsien tas-saħħa mentali.
L-għotja tat-tote bags iservu mhux biss bħala oġġett prattiku iżda wkoll bħala tfakkira qawwija tan-network ta’ appoġġ li hu disponibbli għal kulħadd, permezz tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkun parti minn sforz usa’ biex f’pajjiżna niżguraw dejjem aktar li s-saħħa mentali tibqa’ prijorità u li l-individwi jkunu konxji li jistgħu jiksbu appoġġ biex jibnu r-reżiljenza tagħhom u jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex ifittxu l-għajnuna.
Għal kull min jaffaċċja sfidi ta’ saħħa mentali jew għandu bżonn l-għajnuna, il-helpline 1579 tipprovdi ħajja vitali. Is-servizz jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi nazzjonali tas-saħħa mentali, aġenziji governattivi, u NGOs li joffru appoġġ f’isem is-sistema pubblika tas-saħħa mentali. Dawn is-servizzi kollha huma bla ħlas. Barra minn hekk, kulħadd jista’ jirreġistra fil-programm ta’ reżiljenza offrut mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. Għal aktar informazzjoni, tista’ iżżur is-sit mentalwellbeing.gov.mt
//= $special ?>