Internazzjonali Mużika

Dua Lipa, Coldplay u SZA fost l-artisti għal Glastonbury 2024

Uffiċjalment tħabbar il-lineup għall-festival tant mistenni Glastonbury, b’Dua Lipa, Coldplay u SZA se jkunu l-ismijiet ewlenin f’dan l-avveniment mużikali. Dan apparti li se jkun hemm ukoll il-kantanta Kanadiża Shania Twain bħala headliner.

Dan se jkun id-debut għall-kantanta Dua Lipa fuq il-Pyramid Stage, wara l-bosta nominazzjonijiet u suċċessi riċenti fil-Brits Awards u l-Grammys. Din hija l-ħames darba li Coldplay se jipparteċipaw f’Glastonbury.

Il-kantanta SZA li hija magħrufa bħala waħda mill-aktar kantanti popolari tal-Hiphop u l-R&B bħalissa, ukoll ser tagħmel id-debutt tagħha f’dan il-festival tant popolari li jsir fir-Renju Unit.

Il-lineup jinkludi firxa varja ta’ kantanti oħrajn, fosthom Avril Lavigne, Anne-Marie, kif ukoll Camila Cabello.

L-organiżżaturi qalu li qed jimmiraw biex jorganizzaw festival aktar inklussiv għal artisti nisa, wara l-kontroversja li ffaċċjaw is-sena li għaddiet, fejn kantanti femminili kienu neqsin ferm mil-lineup.

Il-festival se jsir f’ Somerset, mis-26 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Ġunju, għandu jospita ‘l fuq minn 3,000 artist u madwar 200,000 persuna.

Il-biljetti għal Glastonbury kull sena jinħatfu malajr, b’lott ieħor ta’ biljetti mistennija li joħorgu għall-bejgħ f’April.