Lokali

“Il-Gvern reġa’ vvota kontra Jean Paul Sofia”

“Robert Abela għax mhux b’saħħtu, ma kellux is-saħħa u l-kuraġġ li jġiegħel lill-Ministri involuti jirrizzenjaw bħal Myriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi, u għal darb’oħra vvota kontra l-mozzjoni, għax għalihom is-siġġu għandu valur akbar mill-ħajja tal-bniedem.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li saret eżatt wara li ttieħed il-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament b’rabta mal-mozzjoni dwar l-inkjesta pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia, fejn l-għan tagħha kien li l-Ministri li kellhom involviment fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jirriżenjaw minnufih.

“Aħna ridna li l-Parlament jadotta r-rapport sħiħ li ġie ppubblikat ġimgħat ilu, u l-Gvern jesiġi li r-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati fi żmien sitt xhur, iżda Robert Abela u sħabu ma ridux li dan iseħħ,” insista Bernard Grech.

Bernard Grech qal li ż-żmien huwa prezzjuż u kull ġurnata li tgħaddi, qed nirriskjaw il-ħajja tan-nies. Kellna ħafna inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni jew ħelsuha ħafif, bħal Miriam Pace. “Dakinhar, 4 snin ilu, il-Gvern ukoll ivvota kontra l-inkjesta pubblika, għax ma kienx hemm rieda politika, u anke llum reġgħu vvotaw kontra u wrew nuqqas ta’ rieda politika.”

Bernard Grech insista li l-obbligu tal-Gvern hu li jara li titħares il-ħajja tan-nies, mhux ikun hu l-kaġun li jmutu n-nies. Iżda fl-aħħar snin kellna numru ta’ inċidenti, u l-Istat naqas.

Intant il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li dawk li kellhom sehem fit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia jerfgħu r-responsabbiltà politika.