Lokali Parlament

Għandha tinġarr responsabbiltà politika għal mewta traġika li setgħet tiġi evitata


– Jerome Caruana Cilia, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, insista fil-parlament li membri speċifiċi tal-Kabinett iġorru responsabbiltà politika fid-dawl tat-traġedja li wasslet għall-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif ir-rapport tal-inkjesta pubblika sussegwenti xeħet dawl fuq żbalji ħoxnin fl-awtoritajiet li huma responsabbli biex jevitaw li dan jiġri.


Hu ddeskriva din il-mewta bħala vittma tal-‘kilba u l-inkompetenza’ iżda wkoll, kif irrimarkat mill-istess inkjesta li l-Prim Ministru Robert Abela u sħabu tant ħadmu biex ma ssirx, ‘ta’ żbalji ħoxnin’.


Id-deputat Nazzjonalista spjega kif din kienet traġedja li setgħet tiġi evitata, ibda mill-fatt li kif sab ir-rapport ta’ inkjesta, dan kien proġett li għal bosta raġunijiet, qatt ma kellu jiġi approvat. Dan għaliex, dejjem skont din l-inkjesta pubblika u indipendenti, il-proġett la kien jagħmel sens f’termini ta’ investiment, la kien se joħloq l-impjiegi mwiegħda, u anqas kien suġġett għal verifiki rigorużi kif għandu jkun in-norma f’dan il-każ.


Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia elenka wħud min-numru kbir ta’ nuqqasijiet misjuba minn dan ir-rapport, bil-parti l-kbira tagħhom jippuntaw is-swaba’ lejn l-awtoritajiet pubbliċi.


Huwa spjega kif kien hemm wisq każijiet ta’ fejn mexxejja ta’ awtoritajiet jew baqgħu għaddejjin bħall-gaffa, jew sempliċiment ħarsu n-naħra l-oħra. Awtoritajiet li jew imxew kontra xulxin, jew ħadd ma refa’ r-responsabbiltà. Quddiem dan in-nuqqas totali ta’ kontabbiltà, ir-responsabbiltà politika taqa’ f’idejn il-Gvern u l-Ministri responsabbli.


“Dan hu għaliex teħtieġ tintrefa’ responsabbiltà politika mill-Ministru responsabbli. Hekk biss nistgħu verament nibdew nitkellmu kif l-affarijiet se jsiru b’mod differenti u aħjar”, sostna Caruana Cilia.


Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia fakkar li fil-passat mhux imbiegħed, numru ta’ esponenti Laburisti twarrbu jew inġagħlu jirreżenjaw għal raġunijiet inqas serji minn traġedja bħal din.


“Fl-aħħar snin twarrbu ministri għax impjegaw lill-ħabib, poġġew tinda mhux xierqa biswit Mater Dei, jew bagħtu messaġġi li kixfu rabta ma’ nies li qegħdin fil-ħabs. Kemm allura hu aktar gravi r-responsabbiltà għal traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ persuna”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.