Il-Gvern Daniż ħabbar pjani għall-estensjoni tal-ingaġġ – bil-lieva – tan-nisa mal-militar tal-pajjiż. Din għandha ssir għall-ewwel darba, bil-Gvern qed jaħseb ukoll biex iżid iż-żmien tas-servizz għal dawn in-nisa.
Fl-istess ħin, id-Danimarka għandha żżid il-baġit tad-difiża bi kważi sitt biljun ewro fuq il-ħames snin li jmiss, dejjem bil-ħsieb li tilħaq il-kriteriji tal-isħubija fl-Alleanza tan-NATO.
Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Metter Frederiksen, qalet li pajjiżha mhux jieħu dawn il-passi għaliex irid gwerra, iżda biex jevita l-konflitt. Dan ukoll meta d-Danimarka tinsab attenta ħafna għas-sitwazzjoni mimlija bit-tensjoni li żviluppat fl-Ewropa mindu l-qawwiet tar-Russja invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.
In-nisa fid-Danimarka diġà jistgħu joffru s-servizzi tagħhom mal-militar u l-Ministru tad-Difiża, Troels Lund Poulsen, qal li l-isfidi tad-difiża jridu jirriflettu ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fost rispett sħiħ għar-responsabbiltajiet nazzjonali .
//= $special ?>

