Lokali Parlament

Id-deputati tal-gvern jiddefendu lil xulxin fil-parlament


Id-deputati kollha tal-gvern fil-parlament iddefendew lill-Ministri Miriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi u vvutaw kontra li dawn jerfgħu responsabbiltà politika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.


Fis-seduta tal-lejla, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministri Dalli, Schembri u Zrinzo Azzopardi u fiha nsistiet ukoll li l-parlament jagħmel apoloġija mal-familja ta’ Sofia, li ssir diskussjoni parlamentari dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonjiet tal-inkjesta, li l-parlament jadotta r-rapport tal-inkjesta pubblika u li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta jkunu implimentati.


Quddiem din il-mozzjoni, il-gvern ressaq emenda li fiha ppropona li l-parlament jestendi l-apoloġija lill-familja ta’ Jean Paul Sofia, li juri sogħba mal-familjari tal-vittmi kollha tal-kostruzzjoni fl-aħħar 50 sena, li jara li r-rakkomandazzonijiet tal-inkjesta jkunu implimentati, li jinkoraġġixxi lill-gvern biex iwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni, u li d-diskussjoni parlamentari ssir wara sena.


L-Oppożizzjoni reġgħet ressqet emendi għal din il-mozzjoni.


Meta dawn tressqu għall-vot, 41 deputat tal-gvern ivvotaw kontra l-mozzjoni u l-emendi tal-Oppożizzjoni, u 32 deputat tal-Oppożizzjoni vvutaw favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Għalhekk il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal sfiduċja fil-Ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri m’għaddietx.