Lokali Parlament

Il-Gvern ma daħħalx miżuri effettivi fil-kostruzzjoni u għandu jerfa’ responsabbiltà politika dwar Sofia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal fil-parlament li l-gvern kellu jerfa’ responsabbiltà politika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia għaliex ma daħħalx miżuri effettivi fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri mressqa mill-Oppożizzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-aħħar darba li l-parlament ħa vot għax ma kellux għażla oħra, kien proprju meta l-PN uża l-għodda straordinarja ta’ mozzjoni tal-Oppożizzjoni, kien sitt xhur ilu. Dakinhar il-Gvern ivvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal inkjesta pubblika dwar it-traġedja nazzjonali ta’ Jean Paul Sofia. Dakinhar il-gvern ivvota kontra l-mozzjoni biex issir inkjesta pubblika fuq traġedja nazzjonali.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru kien iddikjara, fl-1 ta’ Frar 2023, li mhux se ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Prim Ministru kien qal li definittivament ma kienx hemm bżonn inkjesta pubblika għaliex in-nuqqasijiet fil-kostruzzjoni kienu qed jiġu indirizzati.

Il-Ministru Jonathon Attard, fid-19 ta’ April 2023, kien qal li inkjesta pubblika ma tiżvela xejn ġdid minn inkjesta maġisterjali.

Dan filwaqt li fl-24 ta’ April 2023, żagħżugħ kien arrestat għax dendel banner għal ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia. Dak iż-żmien ukoll, il-Prim Ministru kien qal li inkjesta maġisterjali biss tista’ ġġib il-ġustizzja. Il-Prim Ministru baqa’ jistina rasu ma’ omm Jean Paul Sofia li ma ssirx inkjesta pubblika għax jaħseb li hu jaf kollox fuq kulħadd.

Anki l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca kienet taqbel li ssir inkjesta pubblika u fis-17 ta’ Lulju 2023 kienet qalet li qed tittama li, meta ffirmat il-petizzjoni, kienet se sservi biex issir inkjesta pubblika. Iżda l-gvern, lanqas minn Marie-Louise Coleiro Preca, Soċjalista viċin iż-żgħar, ma sema’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern kollu kien ivvota kontra l-inkjesta pubblika u sostna li minkejja kollox, il-gvern ma setax imur kontra l-poplu. Il-gvern attakka anki lil Isabelle Bonnici u l-Prim Ministru kien kellimha b’mod patronizzanti meta qallha li l-inkjesta pubblika mhu se ssib xejn iktar minn inkjesta maġisterjali.

Bernard Gerch sellem lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għall-kuraġġ tagħhom u qal li kien għalhekk li hu kien ippropona li jingħataw Ġieħ ir-Repubblika. L-inkjesta pubblika saret minkejja dak li ried il-gvern u għaliex il-poplu hu b’saħħtu iktar mill-gvern.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li anki waqt l-inkjesta, il-gvern m’għamel xejn biex jirriforma s-settur. Fejn huma r-riformi li jmissom saru qaebl miet Jean Paul Saofa? Il-gvern ma tgħallem xejn mill-mewt ta’ Miriam Pace għax anki dakinhar, il-gvern ma riedx inkjesta pubblika.

Bernard Grech qal li l-gvern ippubblika ritratt ta’ sitt irġiel li fosthom hemm wieħed mill-imputati li l-inkjesta pubblika sabet li hu naqas milli kellu jagħmel. Dan hu l-Ministru Silvio Schembri li llum hu fis-sottokumitat li waqqaf il-gvern flimkien mal-Ministru Jonathon Attard li kien tant kontra l-inkjesta pubblika. Dawn issa jridu jimplimentaw ir-riformi!

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Istat instab ħati fl-inkjesta u sostna li l-inkjesta sabet lill-gvern kollu ħati dwar Jean Paul Sofia.

Il-Prim Ministru għandu jgħid liema responsabbiltà se jerfa’, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li hu tajjeb li l-Prim Ministru talab apoloġija iżda dan mhux biżżejjed. Il-PN qed jinsisti li l-parlament kollu jitlob apoloġija talli l-gvern ma riedx l-inkjesta pubblika. Din l-apoloġija tkun kemm lill-familja ta’ Sofia kif ukoll lill-poplu Malti.

Bernard Gerch qal li għall-gvern, is-siġġu tal-poter hu iktar importanti u sostna li l-PN qed jinsisti li l-parlament jadotta r-rapport kollu tal-Bord ta’ Inkjesta. Il-gvern ried ineħħi din il-parti mill-mozzjoni iżda l-PN reġa’ daħħalha fl-emenda tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern għandu jivvota favur ir-rapport tal-inkjesta proprju għax kif qal il-Prim Ministru, dan ir-rapport għandu importanza morali għolja. Hu staqsa fejn kienet l-Oppożizzjoni Laburista meta fil-passat seħħu każi li llum jitkellmu dwarhom fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Bernard Grech qal li bejn l-2019 u l-2024 kien hemm seba’ incidenti serji fuq post ta’ kostruzzjoni li fihom mietu tnejn fuq il-post u persuna oħra li mietet wara waqt li oħrajn skansaw il-mewt għax ġiethom tajba.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ t-traġedja tal-Um El Faroud fit-Tarzna fl-1995 fejn il-Kunsill tat-Tarzna kien responsabbli. Il-Prim Ministru qed jgħid li mhux veru li saret inkjesta fil-miftuħ iżda mhux jgħid il-verità. Kienet familja ta’ wieħed mid-disa’ vittmi tal-Um El Faroud li giddbet lill-Prim Ministru dwar l-inkjesta. Il-Prim Ministru qed jigdeb għax jinsab dahru mal-ħajt.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ wkoll il-każ ta’ tfajjel li miet fi skola fil-passat, u staqsa fejn kienet l-Oppożizzjoni Laburista biex titlob inkjesta pubblika dak iż-żmien. Il-gvern qed jipprova jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu billi jħaffer fil-passat meta fil-fatt saru seba’ traġedji fl-aħħar ħames snin. Il-gvern baqa’ m’għamel xejn u rrifjuta talba għal inkjesta pubblika. Din is-sitwazzjoni mhijiex bħal dak ta’ inċident wieħed 20 sena ilu. Il-Gvern Laburista m’għamel xejn quddiem l-inċidenti li seħħew fl-aħħar ħames snin.

Bernard Gerch kompla li issa żmien ir-responsabbiltajiet u l-azzjoni, u sostna li l-parlament għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijet tal-inkjesta. Il-gvern ma jridx jimplimenthom bis-serjetà, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li qal li l-Prim Ministru għandu mħabba lejn is-siġġu tal-poter u mhux lejn il-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu Malti u l-akkademiċi qatgħu qalbhom, u issa iktar u iktar li l-gvern se jerġa’ jivvota kontra mozzjoni biex tintrefa’ responsabbilta politika. Hu qal li l-gvern mhux jagħti każ tal-ilmenti tal-pubbliku quddiem problemi kbar f’siti ta’ kostruzzjoni jew fi djar viċin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-ministri tal-gvern se jivvutaw kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u se jiddefendu lil xulxin għaliex huma flimkien għandhom bżonn lil xulxin quddiem id-diversi skandli fil-pajjiż.

Il-Ministru Clyde Caruana għandu bżonn l-appoġġ wara li kien baqa’ jgħaddi l-miljuni lil Steward għall-isptarijiet; il-Ministru Miriam Dalli għandha bżonn l-appoġġ wara d-diżastru li għamlet fl-enerġija s-sajf li għadda; il-Ministru Clayton Bartolo għandu bżonn l-appoġġ qudddiem ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar infiq esaġerat ta’ fondi li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu; il-Ministru Ian Borg għandu bżonn l-appoġġ fuq il-każ tal-liċenzji tas-sewqan; il-Ministri Michael Falzon u Andy Ellul għandhom bżonn l-appoġġ dwar l-iskandlu tal-pensjonijiet għal persuni b’diżabbiltà severa; id-Deputat Laburista Carmelo Abela għandu bżonn l-appoġġ wara x-xhieda fil-qorti dwar allegat involviment tiegħu fil-hold fuq l-HSBC; il-Ministru Clifton Grima għandu bżonn l-appoġġ minħabba d-diżastru fl-edukazzjoni; id-Deputat Prim Minisru Chris Fearne għandu bżonn l-appoġġ wara li kien iddikjara li Steward kienu the real deal; u l-Prim Ministru għandu bżonn l-appoġġ minħabba l-każi ta’ ġid mhux spjegat li għandu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.