Knisja Kultura Lokali

Il-Joy Gospel Singers f’kunċert tar-Randan fil-Birgu s-Sibt li ġej

Il-Joy Gospel Singers se jkunu qed jagħtu kunċert ta’ mużika sagra nhar is-Sibt li ġej, 16 ta’ Marzu, fil-knisja kolleġġjata tal-Birgu.

Id-dħul għall-kunċert, bit-tema ‘Niċċelebraw ir-Randan’, hu bla ħlas. Il-50 membru mħallta tal-kor, b’etajiet li jvarjaw bejn 14 u 85 sena, ser ikunu taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Michelle Marie Abela, li flimkien ma’ żewġha Carmel Abela, hi l-fundatriċi tal-kor. Carmel huwa d-direttur tekniku.

Joy Gospel Singers huwa kor magħruf sew fil-qasam kulturali Malti. Imwaqqaf fis-sena 2002 fil-parroċċa ta’ Santa Luċija, matul is-snin il-kor ħa sehem f’numru kbir ta’ kunċerti u attivitajiet kulturali oħra. Permezz tal-arranġament mużikali ta’ livell għoli tad-direttur, il-kor żviluppa stil vibranti b’taħlita ta’ korjografija u espressjonijiet vokali li tant jappellaw għall-udjenza. Mużika live minn band żgħira ta’ mużiċisti żżid fil-kwalità tal-ħoss u l-ġmiel tar-rappreżentazzjonijiet.

Il-programm jibda bl-interpretazzjoni ta’ wħud mill-kanzunetti spiritwali tradizzjonali, li jinkludu verżjoni mill-isbaħ ta’ ‘Amazing Grace’ li ddaħħal lil dawk preżenti f’atmosfera ta’ riflessjoni. Issegwi l-‘Via Dolorosa’ mill-film ‘The Passion of the Christ’ u s-silta ‘Hanging on a Tree’.

Kanzunetti oħra li jkomplu jdaħħlu lill-udjenza preżenti fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien tas-sena, huma ‘Because He Lives’, ‘Presence of the Lord’, ‘He’ll Put You Together Again’ u ‘Standing in the Need of Prayer’.

Il-programm jagħlaq bis-siltiet ‘Shackles’ u ‘I love to Praise Him’.