“Id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards dwar l-aħħar serqa ta’ flus pubbliċi li għamel Joseph Muscat qabel spiċċa minn Prim Ministru, turi kemm għandna standards baxxi fil-ħajja pubblika.”
Kien dan li ntqal fi stqarrija ta’ Repubblika fejn tkompli li l-Kummissarju kkonferma li l-ministri ta’ Joseph Muscat tawh rigal minn flus il-poplu li kien mill-anqas id-doppju ta’ dawk li ħadu prim ministri qablu meta spiċċaw mill-kariga, u dan wara li kien diġà rreżenja fl-akbar skandlu politiku fl-istorja. Il-Kummissarju qal li ma setax jieħu azzjoni għal tliet raġunijiet.
Kien hawnhekk fejn Repubblika fetħet iktar fuq dawn ir-raġunijiet:
- L-ewwel raġuni li għaliha qal li ma seta’ jagħmel xejn kienet li Robert Abela ma kienx prim ministru meta l-kabinett iddeċieda li jagħti rigal ta’ mijiet t’eluf ta’ flus pubbliċi lil Joseph Muscat. Din hi skuża fażulla. Meta Robert Abela laħaq prim ministru ġiegħel lill-Ministeru tat-Turiżmu jħassar ir-rigal li Konrad Mizzi ta lilu nnifsu meta rriżenja ġimgħa qabel irreżenja Joseph Muscat. Robert Abela seta’ u messu jagħmel l-istess fil-każ ta’ Muscat. Il-kabinett ta’ Robert Abela hu responsabbli li ma bidilx id-deċiżjoni korrotta tal-kabinett ta’ Joseph Muscat.
- It-tieni raġuni li għaliha qal li ma seta’ jagħmel xejn kienet li l-ilment dwar dak li ddeċieda l-kabinett f’Diċembru 2019 sar minn Repubblika u minn Arnold Cassola wara li kienu għaddew sentejn u l-liġi ma tħallix lill-Kummissarju jieħu azzjoni fuq affarijiet li jkun ilhom li seħħew sentejn. Din hi skuża fażulla. Sal-lum Joseph Muscat għadu jgawdi mill-benefiċċji. L-azzjoni nieqsa mill-etika bdiet dakinhar tad-deċiżjoni tal-Kabinett f’Diċembru 2019 imma għada għaddejja u tibqa’ għaddejja sa dakinhar li Joseph Muscat jintalab irodd lura l-flus żejda li seraq, u l-kera tal-karozza u l-uffiċċju li ħa bla ma kellu jedd għalihom.
- It-tielet raġuni li għaliha ma seta’ jagħmel xejn kienet li l-liġi ma tħallix lill-Kummissarju jindaħal f’deċiżjonijiet tal-kabinett. Fuq din ngħidu li l-poteri tal-kabinett xorta jaqgħu taħt il-liġi u l-membri tal-kabinett xorta marbuta li jimxu b’mod etiku. Il-fatt li l-Kummissarju sab li taw dan ir-rigal bla bażi fil-liġi lil Joseph Muscat wara li rriżenja (u l-fatt li sal-lum dan ir-rigal għadu jitħallas) juri li l-membri tal-kabinett abbużaw mill-poter tagħhom u abbużaw mis-segretezza tal-kabinett.
Repubblika qalet li tifhem li d-dokumenti tal-kabinett għandhom ikunu sigrieti biex il-membri tal-kabinett ikunu liberi jesprimu rwieħhom qabel tittieħed deċiżjoni kollettiva. Iżda din is-segretezza ma ttihomx id-dritt jaħbu s-serq u l-imġiba nieqsa mill-etika. Hekk ġara f’dan il-każ. Kien għalhekk biss li l-ilment ta’ Repubblika sar wara sentejn mid-deċiżjoni tal-kabinett għax id-deċiżjoni tal-kabinett li jisraq lill-Maltin biex jagħti rigal lil Joseph Muscat inżammet sigrieta.
L-għaqda kompliet li tant dan hu minnu li meta kien mistoqsi x’kien il-pakkett bir-rigal li ngħata Joseph Muscat, Robert Abela għall-ewwel qal li ma kien hemm ebda pakkett. Gideb. Din waħidha suppost iġġiegħel lil Robert Abela jirreżenja. Imma aktarx jekk jirreżenja Robert Abela jippretendi l-istess rigal li ħa Joseph Muscat.
B’Repubblika saħqet li jekk veru l-liġi ma tħalli ‘l ħadd jieħu azzjoni meta jsir magħruf serq li nżamm moħbi wara l-gideb, allura hu ċar li trid tinbidel il-liġi għax kulħadd – u l-kabinett l-ewwel – għandu jkun marbut jagħti kont t’għemilu.
//= $special ?>