Lokali Parlament

Il-Ministri Dalli, Zrinzo Azzopardi u Schembri ħallew sistemi li kienu xalata għal min jabbuża

– Stanley Zammit, PN


Ir-responsabbiltà politika tirriżulta mill-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia fejn ir-rapport tal-inkjesta jikkonkludi li l-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, ħallew għaddejjin sistemi, ħafna minnhom reattivi, bħal fl-OHSA u fil-BCA, li evidentament huma xalata għal min irid jabbuża.


Hu qal li din hi opportunità oħra għall-parlament biex jingħaqad fuq dak li, tal-anqas bid-diskors, kulħadd jaqbel fuqu. Hi opportunità oħra biex kull deputat jagħmel dak li hu sewwa biex tintrefa’ r-responsabilità politika u, mingħajr tlajjar, isir dak kollu li hu meħtieġ biex l-industrija tal-kostruzzjoni tinqala’ mill-istat ħażin li tinsab fih illum.


Stanley Zammit qal li sitwazzjoni hi waħda bla kontroll tant li anki min jaħdem f’dan is-settur hu mbeżża’. Dan huwa li kkonfermat iswed fuq l-abjad mill-inkjesta pubblika ta’ Sofia f’sit tal-kostruzzjoni li ma kien spezzjonat minn ħadd; mill-ebda awtorità. Fl-2020, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi kien fil-Kabinett u kien ivvota kontra li ssir inkjesta pubblika fil-każ ta’ Miriam Pace. Ħasra! Ara kemm inħela żmien!


Tliet snin wara, il-Ministru responsabbli mill-kostruzzjoni Stefan Zrinzo Azzopardi, rega’ naqas bil-kbir meta prova jaħbi stampa ċara għax ma riedx analiżi oġġettiva dwar x’wasal jew seta’ wasal għal din il-mewta traġika. Zrinzo Azzopardi vvota kontra li ssir l-inkjesta pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.
L-inkjesta kixfet ‘il-fallimenti sistemiċi, in-nuqqasijiet regolatorji, id-dgħjufijiet u x-xquq wesgħin u fondi fis-sistemi spezzati u sparpaljati li ħaddan uħ addem il-Ministru Zrinzo Azzopardi fost l-oħrajn.


It-tnikkir tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, taħt id-direzzjoni ta’ kontinwità tal-Prim Ministru Robert Abela, ikkonsolidat il-kultura fil-kostruzzjoni ta’ xejn mhu xejn, ta’ kollox jgħaddi, fejn “tirrenja l-mentalità ta' x'jimpurtani mis-saħħa u mis-sigurtà ta kulħadd, u fejn jirrenja disrispett ċiviku”. Għalhekk ukoll il-Ministru Zrinzo Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.


Mir-rapport tal-inkjesta joħroġ bl-aktar mod ċar ukoll illi l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, bħall-Ministri Miriam Dalli u Silvio Schembri, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, ħallew għaddejjin sistemi, ħafna minnhom reattivi, bħal fl-OHSA u fil-BCA, li evidentament huma xalata għal min irid jabbuża.
Każ klassiku tal-irtubija tal-BCA, u ta’ dawn is-sistemi abbużivi, huwa l-inċident riċenti fejn persuna terza waqgħalha saqaf f’darha f’Ħal Qormi.


Kellhom jgħaddu seba’ ġimgħat minn mindu l-BCA bdew jinvestigaw biex il-BCA marret twaħħal stop notice! Waħħlet l-istop notice wara li waqa’ l-kumplament tas-saqaf! Din il-povra spiċċat bla saqaf, mhedda b’azzjoni legali u minngħajr ħajt ta’ kenn.


L-inkjesta tgħid ‘Il-problema mhijiex li tikteb liġijiet’ imma “diffiċli jinsab f’li tinforza dawk il-liġijiet'. L-inkjesta kkundannat in-nuqqas ta’ ħegga tal-Ministru li “tissarraf fl-infurzar tal-liġijiet billi l-entitajiet pubbliċi jingħataw il-mezzi u n-nies sabiex dan ikun jista jsir”.


Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ma wera l-ebda rieda politika biex jiġu implimentati l-building codes, l-istandards tant importanti għall-industrija. Ħalliehom fil-kexxun, fejn poġġewhom ta’ qablu, biex ma jmurx jiksruha ma’ xi ħadd!


L-inkjesta wriet b’mod ċar ħafna li t-tkaxkir tas-saqajn wassal għal miżuri nofs kedda, u mhux biżżejjed, bħal fil-każ tal-liċenzjar tal-kuntratturi. L-inkjesta indirizzat b’mod dirett lil ‘min ma jridx jifhem’ u lil min injora saħansitra lill-esperti ‘li jipproponu soluzzjonijiet fattibbli fl-interess tal-pajjiż’.


Konferma ta’ din l-attitudni tal-Ministru Zrinzo Azzopardi u tal-miżuri nofs kedda li ħa, huma ż-żewġ avviżi legali li ġew ippubblikati fis-27 ta’ Frar ta’ din is-sena li jemendaw il-Construction Industry Licencing Regulations introdotti sitt xhur ilu biss wara 11-il sena ta’ titubar.


Iddaħħal l-obbligu tal-assigurazzjoni, erba’ xhur wara li l-Oppożizzjoni u l-istakeholders ipprovaw jiftħu għajnejn il-Ministru biex jindirizza n-nuqqasijiet fl-istess regolamenti, inkluż il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi. Min iwebbes rasu għandu jerfa’ r-responsabbilità, sostna d-deputat Nazzjonalista.


Hu qal li fl-2016 il-Perit Charles Buhagiar kien qal illi l-iskills cards kellhom ikunu mandatorji sa ħames snin wara. Din il-mira skadiet b’sentejn u għadhom ma sarux! Il-Ministru Zrinzo Azzopardi naqas mill-obbligu tiegħu li jagħti direzzjoni politika lill-Awtorità tal-Ippjanar. 


L-attitudni ta’ tnikkir tal-Ministru Zrinzo Azzopardi waslitu biex ma jmurx ‘għall-għeruq tal-problemi…’ u ‘naqas milli jagħmel kull sforz biex il-qasam ifieq, jekk hemm bżonn bdoża ta miżuri bsaħħithom li jfejqu, li jġibu l-ordni fejn hemm diżordni.' Mhijiex skuża li l-problemi ilhom ġejjin! L-inkjesta hi ċara u ssostni: 'Kull min għandu dmir jew responsabbiltà b‘liġi jew xort’oħra, għandu jerfa‘ l-piż li daħal għalih, mingħajr riservi jew distinzjonijiet, inkella jwarrab.’
Il-Prim Ministru fl-2021 kien qal li l-gvern introduċa kultura ġdida fejn persuni f’ħajja pubblika li jiżbaljaw jerfgħu r-responsabbiltà. Fl-2022 fil-manifest elettorali l-Partit Laburista wiegħed, ‘…tisħiħ fil-kontabbiltà u t-trasparenza fost dawk kollha involuti fit-tmexxija eżekuttiva tal-pajjiż, tal-entitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi.’ Illum il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi huwa responsabbli li jimplimenta dan il-manifest, għandu jibda b’din il-wiegħda, jieqaf ifaħħar u jigglorifika lilu nnifsu u jirriżenja, sostna Stanley Zammit.