Lokali Parlament

Il-Ministru Miriam Dalli m’għamlet xejn biex ittejjeb is-sitwazzjoni; għalhekk responsabbli


Rebekah Borg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg sostniet fil-parlament li l-Ministru Miriam Dalli m’għamlet xejn biex ittejjeb is-sitwazzjoni frammentata apposta fl-awtoritajiet responsabbli.


Il-mewt ta’ Jean Paul Sofia setgħet ġiet evitata, qalet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-PN jemmen fil-ġustizzja waqt li l-PL jidħak bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Hi sostniet li l-pajjiż mhux normali għaliex f’pajjiż normali, meta jkun traġedji, jaqgħu l-gvernijiet. Fil-Latvja waqa’ gvern għax ikrolla saqaf ta’ supermarket.


Hi staqsiet x’se jagħmel il-gvern quddiem is-saqaf li waqa’ proprju f’dawn il-ġranet. Id-deputati ma jafux x’inhi l-kontabbiltà, sostniet Rebekah Borg, li kompliet li ħadd mill-gvern ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Istat instab responsabbli; dan ifisser li l-gvern hu responsabbli. Hi sostniet li r-responsabbiltà politika tfisser li l-Ministru Dalli kienet il-Ministru tal-Malta Eenterprise u m’għamlet xejn biex jinbidlu l-affarijiet.


Id-deputat Nazzjonalista semmiet id-diversi konklużjonijiet tal-inkjesta u qalet li meta Miriam Dalli m’għamlet xejn bejn l-2019 u l-2022 biex bidlet il-proċessi frammentati li saru apposta biex ħadd ma jerfa’ responsabbiltà. Għalhekk il-ministri involuti huma kollha responsabbli.


Rebekah Borg kompliet li anki fil-Wasteserve suppost kien hemm ir-responsabbiltà quddiem il-każ fejn hu rakkomandat minn inkjesta maġisterjali li l-uffiċjali tal-Wasterv jiterssaqu l-qorti akkużati dwar mewt ta’ persuna fuq il-post tax-xogħol.


Fl-2019 meta waqa’ ħajt ta’ kostruzzjoni, il-Ministru Dalli kienet qalet li r-responsabbiltà għandha tintrefa’ minn kulħadd u li l-gvern irid jassigura li l-liġijiet ikunu inforzati u iktar stretti. Kieku l-liġijiet ġew osservati, kieku ma mietx Jean Paul Sofia.


Rebekah Borg qalet li dan hu każ ta’ guvni li miet fuq il-post tax-xogħol u sostniet li kellu jmut xi ħadd u l-ġenituri tiegħu jagħmlu pressjoni kbira, biex issir xi ħaġa.


Id-deputat Nazzjonalista enfażizzat li l-politiku għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jassigura li l-liġijiet ikunu infurzati. Hi sostniet li l-gvern għandu juri rispett lejn in-nies.