Internazzjonali

Ir-Repubblika Dominikana: Jagħmilha ċara li ma jaċċettax ir-refuġjati minn Ħaiti

L-organizzazzjonijiet umanitarji huma mħassbin ħafna mill-fatt li l-mijiet ta’ immigranti minn Ħaiti qed jintbagħtu lura lejn pajjiżhom mir-Repubblika Dominikana. Dan meta Ħaiti, bħalissa, tinsab f’morsa ta’ anarkija u fejn il-periklu għall-ħajja taċ-ċittadini laħaq livelli li wieħed ftit jista’ jimmaġina.

L-osservaturi sostnew li r-residenti ta’ Ħaiti li ħarbu ‘mingħajr dokumenti’ lejn ir-Repubblika Dominikana qed ikunu deportati lura  ‘bit-trakkijiet’ biex jerġgħu jgħixu mill-ġdid il-ħmar il-lejl li qed jiżviluppa f’pajjiżhom.

Mifhum li f’Ħaiti, bħalissa, hemm aktar minn 350,000 refuġjat interni – b’ 150,000 jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni tul l-aħħar ġimgħatejn. Dan meta l- gangs, armati fil-pajjiż tal-Karibew wettqu l-attakki koordinati fuq il-faċilitajiet ewlenin biex jisfurzaw ir-riżenja ta’ Ariel Henry minn Prim Ministru,.

U għalkemm il-vjolenza naqset ftit bl-aħbar, nhar it-Tnejn, li Henry kien warrab mill-kariga, l-iżvilupp żgur mhux jitqies bħala soluzzjoni għall-kriżi.

Hemm ukoll inkwiet dwar il-fatt li l-awtoritajiet fir-Repubblika Dominikana qegħdin jiddeportaw anki l-familji minn Ħaiti li ilhom jgħixu għal snin f’dak il-pajjiż. Fil-fatt, il-messaġġ li jrid iwassal il-Gvern fir-Repubblika Dominikana hi li ‘in-nies f’Ħaiti mgħandhomx ifittxu refuġju f’artu, irrispettivament mis-sitwazzjoni disprata li huma qed jiffaċċjaw f’pajjiżhom’.

Ir-refuġjati li qed jitwasslu lura pajjiżhom qegħdin jiffaċċjaw dejjem aktar futur inċert, bil-gruppi armati għadhom jikkontrollaw it-toroq fil-kapitali Port-au-Prince u bnadi oħra,

Fl-istess ħin, il-President tar-Repubblika Dominikana, Luis Abinader, qed jiċħad kategorikament għall-possibbiltà li pajjiżu jaċċetta t-twaqqif taċ-ċentri għar-refuġjati minn Ħaiti fl-artijiet tiegħu.