Tyson Bugeja ta’ 28 sena mill-Birgu, li huwa magħruf sew mal-Pulizija, reġa’ tressaq il-qorti mixli bi ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni. Il-Pulizija qalet fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, li huwa kiser ordni ta’ protezzjoni li nħarġet fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu meta allegatament ħebb għaliha u kkaġunalha ġriehi gravi fi Frar.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minkejja li ngħata ordni biex ma jkellimx jew javviċina lit-tfajla, huwa beda jċemplilha ta’ spiss mill-ħabs. L-Ispettur qal ukoll li l-Pulizija għandha fil-pussess tagħha aktar minn 20 recording ta’ telefonati li għamel l-imputat lill-vittma.
Ghall-akkużi fil-konfront tiegħu huwa wieġeb mhux ħati, bid-difiza ma titlobx għal ħelsien mill-arrest. F’Diċembru li għadda kien ġie mixli li ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ omm ibnu u li kisrilha mneħirha. Huwa kien wieġeb mhux ħati li weġġa’ serjament lill-eks sieħba tiegħu meta ripetutament taha daqqiet ta’ ponn f’wiċċha.
Huwa kien akkużat ukoll li attakka, insulenta jew hedded lill-mara u li kkaġunalha biża’. Bugeja kien ġie akkużat ukoll li kiser tliet settijiet separati ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ, kif ukoll li sar reċediv.
L-akkużat reġa’ ttiehed u nżamm arrestat il-ħabs. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. Għall-akkużat dehru l-avukati Mario Mifsud u George Anton Buttigieg. Għall-vittma deher l-avukat Colin Galea.