Lokali Qorti

“Dak żgur qatilha!” – bint il-vittma lill-Pulizija

Raġel mill-Ghana jibda għaddej ġuri dwar delitt f'Għawdex

“Dak żgur qatilha”, qalet it-tifla ta’ Rita Ellul lill-Ispettur Josef Gauci meta hi ċemplet fuq il-mobile ta’ ommha li rrispondih l-uffiċjal tal-Pulizija li kien qed jinvestiga l-każ. Dan wara li kien ta l-aħbar ħażina dwar dak li kien sab meta mar fl-appartament tagħha.

Dan xehdu fil-Qorti l-istess Spettur Gauci hekk kif Lawrence Abina ta’ 32 sena mill-Ghana, beda għaddej ġuri mixli li sentejn ilu qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul, f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex. Skont il-prosekuzzjoni, huwa wettaq dan id-delitt għax kien qed jaħseb ħażin fiha u li kienet l-għira li ġegħlitu joqtolha.

L-Ispettur Josef Gauci stazzjonat ir-Rabat Għawdex, kien l-ewwel xhud fejn qal li fis-26 ta’ Frar 2022 fis-1.10pm, ġie infurmat li kien hemm persuna mejta. Mar fuq il-post u nagħta ċertifikat minn tabib li ċċertifika mejta lil Rita Ellul.

“Dħalt fl-appartament. Hija nstabet bil-piġama tagħha. Tkellimt mas-Surġent tal-Pulizija li qal li Abina sabha bla ħajja f’12.10pm tal-istess jum. Hu kien fl-appartament meta mort. Infurmajt lill-Maġistrat tal-Għassa. Peress li l-kawża tal-mewt ma kinitx magħrufa, hija fetħet inkjesta.

“Inħatru numru ta’ esperti u minn investigazzjonijiet instab li kienu f’relazzjoni imma ġieli kienet tgħix fl-appartament tagħha fl-Iklin, u drabi oħra ma’ Abina f’Għawdex. Abina kien miksi bit-trab tal-kostruzzjoni minħabba li kien għadu kif irritorna mix-xogħol,” qal ix-xhud.

“Georgina – bint Rita – ċemplet fuq il-mobile tagħha. Weġibt u tajtha l-aħbar ħażina tal-mewt ta’ ommha u Georgina bdiet tgħajjat! ‘Dak zgur qatilha!’ Għidtilha li kellna nistennew ir-riżultati tal-awtopsja. Il-maġistrat ordna li l-appartament jiġi ssiġillat u għalhekk Abina u l-ħabib tiegħu ġew infurmati biex joħorġu mill-appartament.

Fl-att tal-akkuża dwar il-qtil tal-mara, il-prosekuzzjoni qed tgħid li l-koppja kienu ilhom xi snin flimkien, bir-relazzjoni tagħhom tkun xi ftit jew wisq imqallba u f’diversi stansi kien hemm ukoll min-naħa ta’ Abina, abbuż fiżiku kif ukoll verbali.

Huma kienu għamlu żmien li waqfu milli jaraw lil xulxin, u dan għal perjodu ta’ xhur. Madankollu, wara diversi attentati mill-akkużat biex jerġa’ jiltaqa’ magħha, Rita Ellul ċediet u eventwalment aċċettat li terġa’ tiltaqa’ miegħu.

Il-mara kienet inqatlet meta ġiet fgata, xi ħaġa li kienet ġiet ikkonfermata wkoll fl-awtopsja. Lejlet li nqatlet, Rita Ellul u l-ħabiba tagħha Josephine Borg kienu qed iqattgħu ħin fl-appartament li kien mikri minn Abina u sieħbu Amankwah Tafutor. Filwaqt li l-vittma, il-ħabiba tagħha Josephine Borg u s-sieħeb tal-akkużat Tafutor iċċajtaw ma’ xulxin u gawdew is-serata flimkien, Abina ma ngħaqadx magħhom.

Aktar tard dakinhar stess filgħaxija fil-25 ta’ Frar, Josephine Borg telqet mill-appartament u marret id-dar filwaqt li l-akkużat u l-vittma marru jieklu f’gabbana fl-Imġarr (Għawdex) u wara pproċedew biex imorru jaraw film fuq il-mobile tagħhom fl-Imġarr.

Wara li kollox deher normali, hekk kif marru lura d-dar fl-appartament imsemmi, marru jorqdu. Billi l-għada filgħodu Lawrence Abina qam għax-xogħol għall-ħabta tas-6:50am, ippreparat għax-xogħol ħa kolazzjon ma’ sieħbu Amankwah Tafutor.

Hekk kif sieħbu Amanwkah Tafutor telaq għax-xogħol, l-akkużat baqa’ fl-appartament tiegħu filwaqt li l-vittma Rita Ellul kienet għadha rieqda sew. Meta l-akkużat ħejja biex imur ix-xogħol, mar ibus lill-vittma Rita Ellul għall-‘addio’.

F’dan il-punt, b’mod malizzjuż, bil-ħsieb li joqtol jew ipoġġi l-ħajja ta’ Rita Ellul f’periklu manifest, ikkawża l-mewt ta’ Rita Ellul. Huwa tela’ fuq il-vittma Rita Ellul u għafas b’mod vigoruż ir-riġlejn fuq għonq il-vittma.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid ukoll li waqt li Lawrence Abina kien qed jifga lill-vittma Rita Ellul, il-vittma dak il-ħin qamet ixxokkjata, madankollu ma setgħetx twaqqaf lil Lawrence Abina. F’dan l-attakk fuq Rita Ellul, l-akkużat Lawrence Abina rnexxielu jostakola n-nifs tal-vittma billi għamel pressjoni fiżika fuq għonqha li rriżultat fil-mewt tal-vittma Rita Ellul minħabba għafsa bi pressjoni manwali fuq għonq, magħrufa wkoll bħala strangolazzjoni.

Billi meta Lawrence Abina ġie mitkellem mill-Pulizija fit-28 ta’ Frar, l-akkużat ta l-verżjoni tiegħu tal-ġrajjiet u ċaħad l-involviment tiegħu fl-omiċidju, u li sar jaf li l-vittma Rita Ellul kienet mejta biss wara li rritorna mix-xogħol għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Madankollu, din id-dikjarazzjoni tal-avvenimenti kkuntrastat mal-interrogazzjonijiet sussegwenti u s-sejbiet tal-investigazzjoni. Qabel ma attenda għat-tieni parti tal-interrogazzjoni tiegħu fl-1 ta’ Marzu, Abina nfexx jibki u stqarr li kien qed iħossu ħati u jiddispjaċih għal dak kollu li ġara.

Waqt din it-tieni parti tal-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat Lawrence Abina kkonferma l-involviment tiegħu fil-każ u saħansitra ddeskriva fid-dettall kif qatel lill-vittma Rita Ellul, inkluż il-mod kif poġġa jdejh ma’ għonq il-vittma.

Spjega li dan l-attakk kien motivat mill-għira tiegħu. Fl-aħħar u fit-tielet parti tal-interrogazzjoni tiegħu fit-2 ta’ Marzu, Abina kkonferma li sieħbu Amankwah Tafutor ma kellu ebda involviment fil-każ, u li hu kien unikament responsabbli għall-mewt tal-vittma Rita Ellul. Preżenti fl-awla hemm il-qraba ta’ Rita Ellul.

Meta kompla jixhed l-Ispettur Josepf Gauci huwa qal: “Kont preżenti waqt l-ewwel interrogazzjoni ta’ Abina. Interrogazzjoni ta’ sagħtejn. Ikkonferma dak li stqarr fl-appartament li filgħodu, li kien tkellem ma’ Rita Ellul u ħallieha fis-sodda u telaq mill-appartament. Qal li rritorna mix-xogħol fl-12.10pm u sabha bla ħajja.

Qal li l-lejl ta’ qabel xtraw xi ħaġa mill-Imgarr, raw film tal-biża’ u marru fl-appartament, kellhom rapport sesswali u mar jorqod. Huwa ċaħad li qatilha. Interrogajna wkoll lil sieħbu tal-appartament iżda ma rriżultax li b’xi mod kien involut fil-qtil tagħha.

Xhed ukoll l-Kuntistabbli Benjamin Portelli – li qal li nhar is-26 ta’ Frar 2022 għall-ħabta tas-12.30pm il-Pulizija ġew infurmati mis-Surġent li kien hemm mewta f’daqqa ġewwa Għajnsielem. “Sibna t-tim mediku kollu mill-isptar u t-tabib fuq call mill-poliklinika meta morna fuq il-post.

“L-akkużat fetħilna l-bieb u wriena fejn kienet il-vittma. Kienet fuq is-sodda tħares ‘l isfel. Kollox kien organizzat fil-flat. Abina kien fil-kċina. Ma tantx kien hemm emozzjoni minn naħa tal-akkużat. F’ħin minnhom huwa qabad jibiki iżda ma weriex ħafna emozzjonijiet,” qal ix-xhud.

Jonathan Mizzi – espert tal-IT tal-qorti – qal li l-filmati tal-arrest ġew verifikati bħala awtentiċi. L-uffiċjal Reuben Farrugia – qabad il-katavru u ħadu fil-kamra mortwarja fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Is-Surgent Jason Spiteri tenna li kien stazzjonat Għawdex.

Qal li għall-ħabta tas-12.35pm ġew infurmati mill-istaff tal-emerġenza ta’ Għawdex li rċevew telefonata. Kien hemm Dr Frank Casha miċ-ċentru tas-saħħa jikkonferma li Rita Ellul instabet mejta. Fl-appartament kien hemm Laurence Abina.

“Tkellimt ma’ Abina u qalli li ilhom ħbieb għal tliet snin u jqatta’ ħafna ħin magħha Għawdex. Huwa qalli li jaħdem fil-kostruzzjoni. Qal li meta qam Rita qaltlu li ma raqditx biżżejjed u għalhekk qalilha biex torqod waqt li hu jmur ix-xogħol. Qalli li meta mar lura sabha għadha fis-sodda u bla moviment u għalhekk ċempel l-isptar ta’ Għawdex. Deher fi stat ta’ xokk u kważi jibki,” qal ix-xhud.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella, filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher bħala avukat tal-għajnuna legali għal Abina. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras.

Dan huwa l-ewwel ġuri li l-Imħallef qed tisma’ quddiem ġurija. L-Ispetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri kienu investigaw il-każ. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma.