Il-politiku populista u anti-Islamiku Geert Wilders ikkonferma li mhux beħsiebu jsir Prim Ministru tal-Olanda. Dan minkejja li l-Partit tal-Ħelsien (PVV) tiegħu kien kiseb rebħa drammatika fl-elezzjonijiet ġenerali tas-sena l-oħra.
Wilders spjega li seta jilħaq Prim Ministru biss li kieku kellu l-appoġġ tal-partiti kollha fil-koalizzjoni u li żgur ma kienx il-każ.
Għalkemm il-PVV kien l-aktar partit li kiseb voti fl-aħħar elezzjoni, din l-entità radikali xorta teħtieġ l-appoġġ tal-partiti oħrajn biex tifforma koalizzjoni. Intant, fl-aħħar jiem komplew it-taħditiet bejn il-PVV u tliet partiti oħra rigward kif għandu jkun kostitwit il-Gvern ġdid.
Geert Wilders qal li jrid jara Kabinett ġdid tal-lemin fost ir-riformi li jaċċertaw li ‘il-poplu Olandiż għandu jiġi l-ewwel’. Hu esprima t-tamiet li pajjiżu jara anqas effetti tal-immigrazzjoni u biex l-Olanda ma taċċettax daqshekk barranin li qed ifittxu kenn politiku.
Wilders kien dam ix-xhur jiddiskuti l-possibbiltà ta’ Gvern ta’ koalizzjoni mal-partit liberali VVD taċ-ċentru-lemin, kif ukoll mal-Partit NSV għal Kuntratt Ġdid Soċjali u l-moviment BBB magħmul mill-partiti tal-bdiewa.
Il-kapijiet ta’ dawn il-partiti, sadanittant, insistew li l-uniku mod kif huma kienu lesti biex jimxu ‘il quddiem kien f’sitwazzjoni fejn l-erba’ kapijiet tal-entitajiet inkwistjoni jaqblu kollha li ma jaċċettawx rwol fil-Gvern ġdid. Fl-istess ħin mhux ċar jekk il-partiti laħqux ftehim dwar ‘persuna ta’ kompromess’ għall-kariga ta’ Prim Ministru.
//= $special ?>

