It-tmexxija tal-Partit Laburista ma tridx li l-Ministri Miriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi jitkellmu fid-dibattitu parlamentari li se jsir illejla u li se jiddiksuti mozzjoni ta’ sfiduċja fihom imressqa mill-Oppożizzjoni dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Il-parlament illejla se jkun qed jiddiskuti mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal sfiduċja fil-Ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia f’Kordin. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li għandha tintrefa’ responsabbiltà politika wara li l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia sabet li l-Istat kien responsabbli għall-mewt ta’ Sofia.
Id-dibattitu tal-lejla se jinfetaħ u jingħalaq mill-Oppożizzjoni u fih se jitkellem il-Kap tal-PN Bernard Grech u diversi deputati Nazzjonalisti u Laburisti.
Net News hu informat li d-deċiżjoni li Miriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi ma jitkellmux illejla ttieħdet f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista li ltaqa’ fl-aħħar ġranet biex jiddiskuti, fost l-oħrajn, il-pożizzjoni tal-gvern fid-dibattitu tal-lejla.
Id-deċiżjoni li l-ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri ma jitkellmux fid-dibattitu tal-lejla ma kinitx waħda unanima għaliex kien hemm deputati Laburisti li ma qablux u sostnew li dawn it-tliet minisrti għandhom jitkellmu biex ikunu huma li jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom. Numru ta’ deputati Laburisti oħra sostnew li jkun aħjar li l-ministri Dalli, Zrinzo Azzopardi u Schembri ma jitkellmux biex ma jidhrux li qed jiddefendu lilhom infushom għall-interessi tagħhom.