Lokali Parlament

“Min kellu jerfa’ l-piż refgħu” – Robert Abela jibqa’ ma jerfax responsabbiltà politika


Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika wara l-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia u sostna li “min kellu jerfa’ l-piż refgħu”.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament. il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda lit-tliet Ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi kif ukoll lilu nnifsu u qal li l-gvern diġà beda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta. Hu qal li d-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomadazzjonijiet se ssir wara sena.


Minkejja li fl-1995 kienet inkjesta marittima pubblika dwar l-isplużjoni abbord it-tanker Um El Faroud fit-Tarzna, fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru reġa’ rrepeta li ma kinitx saret inkjesta pubblika dwar din it-traġedja li fiha mietu disa’ ħaddiema.


Hu qal li l-aħħar jiem kienu l-aqwa prova ta’ kif il-pjan se jkun implimentat u sostna li l-gvern se jżomm kelmtu li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet. Hu kompla li hu jitkellem fuq dawn is-sitwazzjonijiet bħal ta’ Jean Paul Sofia b’imħabba lejn il-pajjiż u b’mod emottiv.


Il-Prim Ministru qal li l-inkjesta ma ssemmi l-ebda mit-tliet ministri u sostna li l-gvern kien se jżomm kelmtu.


Wara d-diskors tal-Prim Ministru, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, ippreżentat l-emendi tal-gvern għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fihom intqal li l-gvern jipproponi li l-parlament jestendi l-apoloġija lill-familja ta’ Jean Paul Sofia, juri sogħba mal-familjari tal-vittmi kollha tal-kostruzzjoni fl-aħħar 50 sena, jara li r-rakkomandazzonijiet tal-inkjesta jkunu implimentati, u jinkoraġġixxi lill-gvern biex iwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.