Edukazzjoni Kurżitajiet Lokali

Missier u iben jiggradwaw flimkien għat-tieni darba

Matul l-ewwel ġimagħtejn ta’ Marzu 2024, it-toroq tal-kapitali ta’ Malta, Valletta raw madwar 1,500 studenti jiggradwaw b’dottorat jew Master.

Tnejn minn dawk li mxew sal-Bażilika ta’ San Duminku fi Strada Merkanti, kienu missier u iben, Philip Mifsud u André Mifsud Kingswell, li kellhom l-unur li jiggradwaw flimkien għat-tieni darba fejn sentejn ilu dawn kisbu l-Baċellerat fil-Liġi flimkien.

Nhar it-Tlieta 12 ta’ Marzu 2024, reġgħu ggradwaw flimkien, din id-darba b’Masters in Advocacy.

Għalkemm hemm id-differenza ta’ 28 sena bejniethom, għandhom modi totalment differenti ta’ kif jiksbu l-għerf, u jiffrekwentaw ħbieb differenti, iżda xorta waħda rnexxilhom iqattgħu ħin flimkien billi jistudjaw fil-paċi u bla distrazzjonijiet, speċjalment matul il-perjodu tal-eżamijiet – fejn sabu bżonn li jikkonsultaw lil xulxin aktar minn darba darbtejn.


“Konna nargumentaw xi ftit, imma minn dejjem konna paċenzjużi, forsi aktar hu minni, u dejjem
wasalna fejn xtaqna, u dawn kienu ħamsa mill-isbaħ snin ta’ ħajti,” saħaq André l-iben.


“Dik kienet waħda mill-affarijiet li kkunsidrajna fl-istadju inizjali ta’ dan il-vjaġġ flimkien; il-ħajja
studenteska hi dik li hi, u kont nibża’ li nkun ta’ xkiel għal ibni, imma tkellimniha u qalli li kien komdu bija,” irrisponda Philip l-missier.


It-tnejn ammettew li r-rabta ta’ bejniethom mhux biss kibret, iżda wkoll għallmithom ikunu iktar
konsiderevoli u issa anke jaqblu ma’ xulxin fuq iktar affarijiet. Milli jidher, ir-ritmu tal-istudju mhux wieħed minn dawn. “Jiena nibda ftit qabel, naqbad ritmu u nżommu, filwaqt li André jibda bilmod, u jirranka lejn l-aħħar. Konna nqattgħu ħin flimkien, speċjalment fil-perjodu tal-eżamijiet, iżda anki f’dan l-element komuni, għandna l-partikolaritajiet tagħna,” qal Philip.

“Aħna kompetittivi ħafna u nħobbu nittestjaw lil xulxin!” Imma biżżejjed biex jipprattikaw il-liġi flimkien? Philip diġà huwa perit stabbilit, u André għadu fil-bidu tal-ħajja tax-xogħol, allura qegħdin fi stadji differenti tal-karriera. Madanakollu, Philip jinkoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jibdew jistudjaw, jew forsi kienu jistudjaw imma waqfu u qed jikkunsidraw jirritornaw, għax qatt mhu tard li titgħallem.

“Fl-ewwel ħa tara għolja wieqfa ħafna, u ser jiġuk dubji, iżda s-sodisfazzjon ta’ meta tiggradwa huwa wisq indimentikabbli,” kompla jgħid.