Almaloul Mustafa, Sirjan ta’ 26 sena residenti San Pawl il-Baħar, ġie mmultat is-somma ta’ €6,250 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Kevan Azzopardi li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati. Hu kellu impjegati jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni f’San Pawl il-Baħar.
Dan il-każ imur lura għall-2021, fejn Mustafa naqas li jara li x-xogħol fil-għoli jitwettaq b’tagħmir xieraq u li jara li jkun hemm ilqugħ protettiv. Huwa nstab ħati wkoll li naqas li jara li l-ħaddiema jilbsu l-ħwejjeġ protettivi.
Fil-Qorti xehdet uffiċjal tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li qalet li kienu rċevew telefonata anonima dwar xogħol perikoluż ta’ tikħil u tibjid fuq binja ta’ seba’ sulari u penthouse. Ix-xhud saħqet li x-xogħol kien avvanzat fejn kien fadal biss tikħil u tibjid.
Qalet li kienet waqqfet ix-xogħol u kellmet il-kuntrattur li kien qed jieħu ħsieb ix-xogħlijiet. Hi kienet għamlet diversi mistoqsijiet lill-imputat fuq il-ħaddiema li ma kienu siguri xejn fejn kienu mdendlin fuq il-pont. Huwa kkonferma li dawk il-ħaddiema kien qed jieħu ħsiebhom hu.
Qalet li meta staqsietu, it-tweġiba tiegħu kienet li ma kienx jaf li kellu jsir risk assessment tax-xogħlijiet. Bħala prova, hi esebiet ritratti li juru li l-ħaddiema kienu fuq fallakka. Dawn kienu juru wkoll li l-ħbula li kienu qed iżommu l-fallakka kienu marbuta mal-ixkejjer tas-cement li kien qed jintuża għat-tikħil.
Tenniet li l-harness li suppost il-ħaddiem kien liebes kellu l-lifeline marbuta mal-istess xkejjer tat-tikħil. Wara li waqqfet ix-xogħol, ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar risk assesment biex ikun jista’ jitkompla x-xogħol. Spjegat ukoll li meta reġgħet marret sabet li tkompla x-xogħol mingħajr ma kien hemm ir-revoka tal-Awtorità.
Minn naħa tiegħu Mustafa qal li hu kien jiksi fuq il-pont. Qal li d-Dipartiment ma ċċekkjax taħt l-ixkejjer u qal li dejjem jagħmlu l-clips tal-ħadid li jkunu marbuta bil-viti mas-saqaf. Qal li l-pont ikun marbut minn fuq jew ma’ xi bricks jew xi ħaġa b’saħħitha. Qal li hu jagħti l-harness lill-ħaddiema imma ġieli ma jilbsuhx. Ammetta li mar u kompla x-xogħol.
Il-Qorti, qalet li l-Prosekuzzjoni ppruvat il-każ tagħha, dik li l-imputat kien responsabbli għax-xogħlijiet u l-ħaddiema li kienu fuq il-pont li ma kienx marbut sew. Qalet li l-imputat ammetta li kien jaf li x-xogħol twaqqaf mill-Awtorità, iżda huwa kompla bix-xogħol. F’dan l-isfond hija qalet li ma kellhiex għażla oħra li ssibu ħati u mmultatu €6,250.