Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ liġi għall-protezzjoni tal-whistleblowers li taħdem. Il-liġi li għandna ma taħdimx. Safejn nafu aħna ntużat darba biss fil-każ kontra Anthony Debono, li kien att ta’ persekuzzjoni politika u li kkonferma sal-appell l-innoċenza tal-persuna akkużata.
Hekk saħqet l-għaqda Repubblika fi stqarrija b’referenza għall-protest ġudizzjarju fil-Qorti li sar aktar kmieni llum, Republikka esprimiet stmerrija għall-fatt li applikazzjoni ta’ xhud biex ikun ikkunsidrat bħala whistleblower ġiet injorata għal ħafna xhur u għada injorata mill-uffiċjal responsabbli fil-gvern.
Il-liġi biex tipproteġi ‘l-whistleblowers mhix hemm biex il-gvern ikollu modi oħra kif iwettaq il-korruzzjoni. Suppost qiegħda hemm biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom l-għodda li jkollhom bżonn biex jiġġieldu l-korruzzjoni.
Repubblika kompliet tgħid li huma appellaw qabel u wara l-aħħar emendi li saru għal-liġi li suppost tipproteġi l-whistleblowers biex isiru tibdiliet fil-liġi biex tkun tista’ taħdem. L-għaqda hi tal-fehma wkoll li l-protezzjoni tal-whistleblowers m’għandhiex tkun deċiża minn uffiċjali li jaqgħu taħt il-ministri għax dawn l-uffiċjali flok jipproteġu lix-xhieda, jipproteġu lill-ministri.
Uffiċjal li l-prim ministru jqiegħed u jista’ jneħħi meta jrid, m’għandu ebda inċentiv biex jipproteġi lil xhud li jgħid li għandu provi ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-gvern.
Repubblika ttenni l-appell tagħha għal konsultazzjoni pubblika biex isir tibdil fil-liġi tal-protezzjoni tal-whistleblowers biex issir għodda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
//= $special ?>