Quaerite Primum Regnum Dei – Fittxu l-Ewwel is-Saltna ta’ Alla
Dak li kien jagħmel Ġesù, ixandar il-kelma ta’ Missieru biex il-poplu jimxi fuq il-passi tiegħu u jsalva. Hekk hija din l-akbar ġrajja ta’ mħabba, meta Missier jibgħat lill-Ibnu l-waħdieni għall-mewt …anzi għall-mewt fuq salib.
Hekk kif din is-sena jaħbat l-għaxar anniversarju minn l-ewwel dramm tal-Passjoni li sar fil-Ħamrun, il-Kunsill Lokali Ħamrun flimkien ma’ Propera Avgesco Drama Group u SEVEN8 Creative Troupe, flimkien se jkunu qed iwasslu għal darb’oħra dramm mill-aqwa fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu, fil-Ħamrun.
Dan id-dramm klassiku mill-pinna ta’ James Sultana, se jeħodna lura elfejn sena fejn dak kollu li ġara għadu ħaj u ta’ valur sal-lum il-ġurnata. Ir-Rabbi Ġesù minn Nazzaret kulħadd beda jarah u jqisu bħala dak il-profeta li se jwassal lill-poplu għas-salvazzjoni, tant li meta daħal f’Ġerusalem ġie milqugħ bil-friegħi tal-palm.
Dan ma niżilx tajjeb mal-kbarat tal-Lhud li riedu jagħmlu minn kollox biex jeħilsu minnu! Ġuda kien il-persuna adattata. Mal-bewsa tat-tradiment, Ġesù għadda minn ġuri għall-ieħor, quddiem is-Sinedriju, quddiem Erodi, quddiem Pilatu, u fl-aħħar quddiem il-poplu. L-istess poplu li laqgħu bil-palm, issa kien qed jibagħtu għall-mewt. Għalkemm kien għaddej minn dan kollu, Ġesù baqa’ jipprietka l-imħabba sal-aħħar, b’Satana jsib kull okkażjoni tajba biex ixewwex kontra tiegħu, sakemm rah mejjet fuq is-salib, u ħaseb li rebaħ! Imma r-rebbieħ kien ieħor!
Għal darb’oħra, id-dramm tal-Passjoni fil-Ħamrun se jkun qed joffri emozzjonijiet imqanqla, b’atturi mill-aqwa, fi produzzjoni tal-ogħla livell. Fost l-atturi prinċipali nsibu lil Rudy Emmanuel Catania fil-parti ta’ Ġesù, Shawn Ciantar fil-parti ta’ Satana, flimkien ma’ Rita Camilleri, Marie-Clare Sammut, Martin Catania, Hilary Desira, Kurt Harmsworth, Anthony Cini, Francine Borg, Henry Zammit Cordina, Maria Farrugia, Klinsmann Spiteri, Victor Vella, Gilbert Rene Scerri Gill, Damian Azzopardi, Kimberly Ancilleri, John Vassallo u Thomas Grixti.
Apparti dawn il-karattri prinċipali hemm ammont sabiħ ta’ atturi li se jkomplu jsebbħu z-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu. Għal sena oħra din il-produzzjoni qed issir bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Arċipriet tal-Ħamrun, Dun Walter Cauchi.
Regnum Dei, id-dramm tal-Passjoni fil-Ħamrun se jsir nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu 2024, fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu fit-8.30pm (wara l-quddiesa tas-7.30pm). Dħul huwa b’xejn però wieħed jista’ jibbukkja postu billi jasal wasla sal-Kunsill Lokali fil-ħinijiet tal-uffiċċju fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, billi jċempel fuq 21222020, jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali Ħamrun, jew email fuq hamrun.lc@gov.mt.
//= $special ?>