Internazzjonali

Stati Uniti-Gaza: Iżrael akkost ta’ kollox irid jevita l-vittmi ċivili fil-każ ta’ offensiva fuq Rafah

L-aħħar indikazzjonijiet mil-Lvant Nofsani kienu li Iżrael, mingħajr wisq daqq ta’ trombi, jinsab eqreb li jwettaq attakk kbir fuq Rafah – anki jekk l-azzjoni tista’ ma tkunx imminenti. Fl-istess ħin, kiber l-inkwiet li  azzjoni militari fuq skala hekk kbira kapaċi tħalli konsegwenzi mill-aktar terribbli f’dik il-belt minn aspett uman.

Il-belt ta’ Rafah hi l-aħħar zona fil-Medda ta’ Gaza li mhix ikkontrollata mill-Armata ta’ Iżrael li ilha mill-bidu ta’ Ottubru twettaq offensiva bla heda fuq it-terroristi tal-Ħamas fit-territorju. Dan ukoll meta Rafah saret il-bażi għal talanqas erba’ battaljuni ta’ ġellieda mal-Ħamas li Iżrael, akkost ta’ kollox, irid  jelimina ‘fl-interessi tas-sigurtà’ għall-poplu tiegħu.

Madankollu, il-potenzjal għal traġedja umana kbira, ‘il quddiem, ma tistax tkun eskluża, peress f’Rafah – fin-naħa t’isfel ta’ Gaza – hemm ‘il fuq minn miljun ċivili, li ħafna minnhom ħarbu għal hemmhekk biex jevitaw li jinqabdu fl-eqqel tal-battalji kontinwi bejn il-militar Iżraeljan u l-Ħamas.

Is-sitwazzjoni anki qed tinkwieta lill-Istati Uniti, alleata ewlenija ta’ Iżrael u li qed tesiġi biex l-Iżraeljani ma jaqbżux il-limitu permissibbli fl-azzjonijiet militari. It-Tmexxija f’Washington, fil-fatt, indikat lil Iżrael liema azzjoni militari għandha tqishha ‘aċċettabbli’ filwaqt li qed jopponi offensiva kbira u totali mill-Iżraeljani fuq Rafah.

Ir-rapporti qalu li l-uffiċjali Amerikani infurmaw lil Iżrael li l-Gvern ta’ Biden għandu jappoġġja azzjonijiet militari mirati speċifikament u esklussivament kontra t-terroriżmu…Dan meta Iżrael qed jinsisti li l-Ħamas għandhom network ta’ bażijiet taħt l-artijiet tal-iskejjel u l-isptarijiet u li qed jiffurmaw l-aħħar fortizza tat-terroristi Palestinjani f’Gaza.

L-Istati Uniti temmen ukoll li kwalunkwe rejds li jikkonċentraw ‘mija-fil-mija’ fuq il-miri tal-Ħamas għandhom jimminimizzaw il-vittmi ċivili f’Gaza. Dan meta r-rapporti dwar l-għexieren ta’ ċivili li qed jinqatlu kuljum f’Gaza anki qegħdin jolqtu ħażin lill-President Biden minn aspett politiku u fost allegazzjonijiet li hu tilef l-appoġġ fost il-fergħa progressiva tal-Partit Demokratiku fil-Gvern.

Fl-istess ħin – u għalkemm l-Istati Uniti għadha qed tappoġġja lill-gwerra ta’ Iżrael kontra t-terrur – żdiedet, it-tensjoni bejn Joe Biden  u l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu. Fil-fatt, il-President Amerikan issa qed jgħid li l-appoġġ kontinwu ta’ pajjiżu lil Iżrael għandu jorbot fuq kemm l-Iżraeljani jippreżentaw pjan kredibbli dwar azzjonijiet li jevitaw l-imwiet fost il-poplu ċivili ta’ Gaza.