Lil min taqbad temmen?
Il-Prim Ministru Robert Abela issa spiċċa jattakka lil min irid jikxef il-korruzzjoni. Dan hekk kif il-Ħamis filgħaxija…meta ssikkat mill-ġurnalisti dwar l-aħbar li Roger Agius irid jikxef każi ta’ korruzzjoni… Abela spiċċa jattakkah.
Fil-ġurnali lokali ġie żvelat li Agius, li allegatament huwa involut fir-racket tal-benefiċċji soċjali flimkien mal-eks Deputat Laburista Silvio Grixti, ried jikxef aktar korruzzjoni. Iżda insista li ta’ Kastilja injorawh għal kollox u għalqulu l-bieb.
Għaldaqstant, Roger Agius fetaħ protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Prim Ministru, l-Uffiċjal tal-Whistleblower f’Kastilja, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Fil-protest, iffirmat mil-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, Agius – li kien ingħata position of trust ma’ Andy Ellul – sostna li f’Novembru u anke f’Diċembru talab għal protezzjoni ta’ Whistleblower. Madanakollu, huwa ġie injorat – fatt li surrealment Abela fl-ebda mument ma’ ċaħad anzi….farfru qisu xejn mhu xejn.
Il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru, minflok wera x-xewqa li jinkixef kollox – attakka propju lil min irid joħroġ fil-pubbliku aktar korruzzjoni. U bi kliemu, ta’ x’jifhem li hu ma jridx li dan l-individwu jingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower.
Intant, mistoqsi minn Net News jekk il-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat hux se jkun qed jixħet il-kandidatura tiegħu għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew … Abela insista li s’issa dan għadu ma sarx, iżda stqarr li qed jieħu gost li qed jarah jipparteċipa aktar.
Madanakollu t-taqbid intern għal Abela u l-Partit tal-Labour ma jieqafx hawnhekk. Dan hekk kif wara li t-Tlieta filgħaxija l-propogandista Laburista Manuel Cuschieri allega li t-Tnejn filgħaxija kellha ssir laqgħa li kellha tiddiskuti r-ritorn uffiċjali ta’ Rosianne Cutajar mal-Labour u li din ġiet posposta minħabba d-diskors ta’ Muscat is-Sibt filgħaxija…..Abela dawwar il-kanuni fuq il-forċina ta’ Muscat, u giddbu għal kollox.
Intant mhux biss Cuschieri spiċċa mgiddeb minn Abela…iżda anke d-Deputati Laburisti ma riedux jikkumentaw dwar dak li qal – b’uħud jidhru li ma jagħtuh ebda attenzjoni.
U jekk Manuel Cuschieri – il-messaġġier ewlieni tal-Partit Laburista għal dawn l-għexieren ta’ snin – kien mgiddeb għal kollox minn ħadd ħlief il-Prim Ministru Robert Abela – wieħed inevittabilment jistaqsi, min minnhom jista’ jitwemmen?