Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu kompla jimminimizza l-prospetti ta’ waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza — fost l-akkużi li l-grupp terroritiku Ħamas qed jinsisti bil-kundizzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu bħala realistiċi.
Ir-rappreżentanti tal-Ħamas, fl-aħħar sigħat, ippreżentaw pjan lill-medjaturi li huma fissru bħala ‘viżjoni komprensiva’ biex l-affarijiet f’Gaza jikkalmaw. Madankollu ftit hemm ċans li Iżrael jaċċetta t-talbiet tal-Ħasmas għal tmiem permanenti tal-gwerra u biex il-militar Iżraeljan jirtira għal kollox minn Gaza.
Is-sitwazzjoni għan-nies ta’ Gaza għadha disprata, bil-Ħamas qed jakkuża lill-Iżraeljani dwar il-qtil, fil-lejl tal-Ħamis, ta’ aktar minn 20 Palestinjan li kienu qed jistennew l-għajnuna. Fl-inċident, allegatament, irriżultaw anki l-għexieren tal- midruba li ddaħħlu fl-eqreb stpar għat-trattament urġenti.
L-allegat inċident qed jingħad li seħħ fil-limiti tal-Belt ta’ Gaza – b’Iżrael jiċħad għal kull sehem fost l-istqarrijiet fis-sens li ‘grupp ta’ Palestinjani armati kienu sparaw direttament lejn il-folla bl-iskop li juru lill-Armata fl-agħar dawl possibbli’.
L-istqarrija ta’ Iżrael qalet li l-Armata kienet faċilitat it-trasport ta’ aktar minn 30 trakk tal-għajnuna lejn it-Tramuntana ta’ Gaza u li li l-gruppi tal-Palestinjani armati kienu fetħu n-nar fuq iċ-ċivili li kienu qed jistennew għall-konvoj. Ingħad li l-isparar kompla anki waqt li ċ-ċivili ddisprati kienu qed ‘jassedjaw’ it-trakkijiet biex jaħtfu li jistgħu – u bir-riżultat li wħud spiċċaw mgħaffġin taħt ir-roti tal-vetturi.
Fl-istess ħin, in-Nazzjonijiet Uniti għadha tesiġi biex l-għajnuna tasal kemm jista’ ikun malajr liċ-ċivili fin-naħat ta’ fuq ta’ Gaza…Zona li fiha qed imutu diġà t-tfal bil-ġuh fost traġedja umana li qed tiżviluppa minn jum għall-ieħor.
//= $special ?>