Internazzjonali

Il-Jemen: Tirnexxi prova tal-Houthis għal missila ħipersonika…fost l-inkwiet tal-Punent

Ir-rapporti mil-Lvant Nofsani qalu li l-milizji tal-Houthi — alleati tal-Iran li wkoll iddikjaraw gwerra fuq Iżrael u l-Alleati —  issa konkludew b’suċċess il-provi għal missila tat-tip ħipersoniku. Fl-istess ħin, is-sorsi fil-Punent huma inkwetati dwar is-sinjali li l-Houthi qegħdin jippjanaw biex jibdew jimmanifatturaw dawn il-missili għall-użu potenzjali kontra l-bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden.

Dan meta lanqas mhu eskluż li l-Houthi, ‘il quddiem, kapaċi anki jużaw missila ta’ dan il-kalibru għall-attakki diretti fuq l-artijiet ta’ Iżrael.

Ir-rapporti komplew li l-milizji, li jikkontrollaw il-parti kbira tal-Jemen, anki ‘żiedu u tejbu’ il-ħażniet tal-armamenti tagħhom. Qed jingħad li, bħala parti minn dan il-programm, il-Houthi anki modifikaw id-drones u l-missili b’mod li jkabbar bil-kbir il-kapaċità distruttiva tagħhom.

Il-Kap ta’ dan il-grupp,  Abdel Malik al-Houthi, tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-avvanzi minn aspett militari waqt li ftaħar li ‘il-Jemen’, issa, kapaċi jissemma fl-istess nifs ma’ pajjiżi oħrajn li għandhom teknoloġiji militari sinifikanti.

Dan ukoll fost it-tensjoni kbira wara li l-qawwiet tal-Houthi, fl-aħħar xhur, wettqu l-għexieren tal-attakki fuq il-vapuri kummerċjali fl-ibħra ftit ‘il hinn mill-Jemen – u liema attakki anki qanqlu forma ta’ ritaljazzjoni militari min-naħa tal-Istati Uniti u r-Renju Unit.