Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iqatta’ jum qalb il-Mostin

“Ħadd ma jista jifhem għalfejn il-Labour ivvota kontra l-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, b’Robert Abela qed ikompli jaħrab mir-responsabbiltà politika. Iżda l-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jaħdem sakemm dawk kollha nvoluti jerfgħu responsabbiltà.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif qatta’ jum sħiħ qalb il-Mostin, bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem fl-interess nazzjonali u għall-ġid tar-residenti fil-lokalitajiet varji.

Bernard Grech żar fost l-oħrajn id-Dar tal-Anzjani fil-Mosta, fejn tkellem ma’ bosta persuni. B’numru minnhom jesprimu dispjaċir għall-fatt li l-Ħamis filgħaxija l-Membri Parlamentari tal-Labour ivvutaw kollha kontra l-mozzjoni ta’ sfiduċja li ressaq il-Partit Nazzjonalista – dan sabiex fil-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia tinġarr responsabbiltà politika.

Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li n-nies tkellmu miegħu dwar l-iskema tal-prezzijiet fejn qalu li xorta għadhom qed jaraw il-prezzijiet jogħlew.

Dan filwaqt li sid ta’ negozju spjega d-diffikultajiet li qed jaffaċċja bl-ispejjeż qed ikomplu jiżdiedu; tant li qed ikollu joħroġ il-flus minn butu.

Matul din iż-żjara Bernard Grech pteżenta l-pjanijiet li għandu għal-lokalità tal-Mosta, filwaqt li saħaq fuq l-importaza tal-konsultazzjoni bil-għan li titħaddem politika għan-nies.

Fil-Mosta, Bernard Gech żar diversi stabbilimenti kummerċjali fejn tkellem mal-impjegati. Filwaqt li żar diversi ħwienet fil-qalba ta’ din il-lokalita illi fl-aħħar snin affaċjat taqlib kbir kaġun tan-nuqqas ta’ pjanar minn naħa tal-Kunsill immexxi minn maġġoranza Laburista.

Għal dawn iż-żjarat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister u Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius, mix-Shadow Minister Ivan Bartolo kif ukoll minn Kunsilliera u Kandidati għall-Kunsill Lokali tal-Mosta f’isem il-Partit Nazzjonalista.