Il-Qorti ordnat lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni biex jirrevedu l-istatus ta’ raġel li kien ikkundannat ħames snin ħabs fuq attakk vjolenti fil-Marsa fl-2021, wara li nnutat ir-record kriminali “allarmanti” tal-akkużat. Il-Kummissarju tal-Pulizija, bħala Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni kellu jivvaluta jekk Khaled Eddali, ċittadin Libjan ta’ 34 sena, “tassew ħaqqux” l-istatus li qed igawdi bħalissa u jiddeċiedi jekk għandux jitneħħa immedjatament minn Malta ladarba jkun serva is-sentenza ta’ ħabs tiegħu, qalet il-Maġistrat Monica Vella meta tat is-sentenza l-Ġimgħa.
Mis-sentenza, mhux ċar x’istatus igawdi r-raġel. Eddali kien qed jiffaċċja prosekuzzjoni fuq inċident vjolenti li seħħ ġewwa garaxx tal-Marsa meta attakka raġel Sirjan b’bar tal-metall twila metru. Il-vittma qatta’ jiem l-isptar wara l-attakk li matulu ntlaqat f’rasu, dirgħajh u riġlejh.
Allegatament insterqu wkoll il-mowbajl u xi €60 fi flus kontanti waqt l-aggressjoni. Meta xehed dwar il-kalvarju li għadda minnu, l-vittma fakkar li dakinhar il-Ħadd waranofsinhar, kien qiegħed bilqiegħda barra l-garaxx ta’ Triq is-Serkin li kien jaqsam ma’ żewġt irġiel oħra, meta tfaċċa Eddali.
Il-vjolenza seħħet ġewwa l-garaxx u aktar tard il-vittma saħaq li ma kellu l-ebda spjegazzjoni għall-attakk, u saħaq li qatt ma kellu argumenti preċedenti mal-akkużat. Eddali kien akkużat b’attentat ta’ qtil, ġrieħi gravi, serq aggravat, li weġġa’ serjament lil terza persuna kif ukoll li kadu.
Huwa wieġeb mhux ħati. Meta tat is-sentenza l-qorti ddikjaratu ħati li darab gravi lir-raġel Sirjan, filwaqt li ħelsu mill-akkużi l-oħra. Ir- reċidiv tiegħu kien ukoll “ppruvat b’mod wiesaʼ.” Meta ngħatat il-piena l-qorti ħadet nota ta’ diversi fatturi.
L-“età mhux daqshekk żgħira” ta’ Eddali, kif ukoll il-kondotta kriminali indisciplinata tiegħu ġew rrimarkati mill-Maġistrat li osserva wkoll li l-akkużat ma kien “tgħallem xejn” mill-perjodi twal tiegħu wara l-bars. Bħala “mistieden” fil-pajjiż, aktar milli jieħu xogħol u jġib ruħu kif suppost, l-akkużat kontinwament ikkawża problemi għalih innifsu u għal oħrajn.
Il-Qorti ħadet nota wkoll tal-ġrieħi gravi li sofra l-vittma li minn dak iż-żmien kien ħafer lill-aggressur tiegħu. Il-Qorti kienet fid-dmir li tipproteġi s-soċjetà inġenerali u li tibgħat messaġġ li min weġġa’ lil ħaddieħor “għandu jbati konsegwenzi serji,” qalet il-Maġistrat Vella.
Fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet bħal dawn, il-qorti kkundannat lill-akkużat għal ħames snin ħabs effettiva nieqes iż-żmien imqatta’ taħt kustodja preventiva. Kellu wkoll iħallas €1,547.27 fi spejjeż ta’ esperti tal-Qorti fi żmien sitt xhur u jorbot lilu nnifsu li ma jfixkelx lill-vittma tiegħu kontra garanzija personali ta’ €1000 li kienet effettiva għal sena.
Fl-aħħar nett, il-qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jevalwa jekk l-istatus tal-akkużat f’Malta kienx “verament mistħoqq” u jekk għandux jiġi deportat “minnufih” wara li jiskonta l-piena. Dan mhux biss fid-dawl tal-kundanna tal-lum iżda minħabba li l-kondotta kriminali ta’ Eddali kienet “allarmanti”, temmet tgħid il-qorti. L-avukati tal-AĠ Etienne Savona u Darlene Grima mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Roderick Attard.