“Ir-racket tal-benefiċċji soċjali kienet konfoffa kriminali intiża biex jinxtraw il-voti għall-Partit Laburista. U quddiem dan kollu l-Gvern ta’ Robert Abela huwa inattiv – filwaqt li l-Pulizija baqgħet passiva.”
Dan kien il-messaġġ li twassal mix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut flimkien mal-Kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise-Ann Pulis waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Mark Anthony Sammut qal li quddiem il-fatti l-ġodda li ħarġu b’rabta mar-racket tal-benefiċċji soċjali huwa inaċċettabbli li l-istituzzjonijiet għalqu l-bibien tagħhom kull meta prova jitkellem l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul – li jrid jikxef il-korruzzjoni.
Mark Anthony Sammut sostna li għandna partit fil-Gvern li qabad fondi pubbliċi u qassamhom lil min ma kienx ħaqqu, biex ikun jista’ jixtri l-voti. Dan filwaqt li allegazzjonijiet bħal dawn iqajmu mistoqsijiet, fost l-oħrajn, għalfejn il-Pulizija baqgħet passiva quddiem dan kollu.
Minn naħa tagħha l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise-Ann Pulis qalet li l-protest ġudizzjarju li preżenta l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għandu piż serju fuq is-saltna tad-dritt kif ukoll fuq id-demokrazija.
Hija qalet li l-istituzzjonijiet li suppost jipproteġu lin-nies li jixtiequ jgħidu l-verità qed ikomplu jitfgħu l-pressjoni sabiex min irid jikxef il-korruzzjoni ma jitkellimx. Hawnhekk, Louise-Ann Pulis qalet li f’demokrazija li taħdem irridu tassew nagħtu widen lil kulħadd.
//= $special ?>