L-elezzjoni għall-Presidenza tar-Russja li tagħlaq il-Ħadd mhi xejn għajr eżerċizzju konkluż, bir-riżultat diġà magħruf u bil-President Vladimir Putin qed iħares ‘il quddiem lejn sitt snin oħra bħala l-aktar persuna influwenti f’pajjiżu.
Il-Kremlin ta’ Moska qed jaħseb biex anki jpitter din il-votazzjoni — imqassma fuq tlett ijiem – bħala proċess li ‘jilleġitimizza’ il-gwerra fl-Ukrajna li daħlet fit-tielet sena.
Dan ukoll meta Putin lanqas ma għandu xi avversarju kredibbli, minħabba li kulmin opponih, sallum, spiċċa mejjet, mitfugħ il-ħabs inkella kostrett li jgħix fl-eżilju.
Il-postijiet tal-votazzjoni – imqassma fuq numru ta’ time zones — fetħu uffiċjalment fil-Penisola ta’ Kamachatka u bl-elezzjoni għandha tagħlaq tard fil-lejl tal-Ħadd fir-reġjun ta’ Kaliningrad.
Din hi l-ħames darba li Putin qed jikkuntesta għall-Presidenza ta’ pajjiżu u fl-aħħar xhur, il-media tal-Istat ma tilfitx imqar opportunità waħda biex tippreżenta lill-President bħala l-mexxej ‘naturali’ għar-Russi, minbarra li kmandant li ‘il-pajjiż ma jgħaddix mingħajru’.
Il-Kremlin anki qed iwassal kontinwament il-messaġġ li Vladimir Putin hu ‘il-kandidat tal-poplu’ u meta hu ilu aktar fil-poter minn kwalunkwe Mexxej ieħor Russu– tant li anki ssupera r-renju tal-eks-dittatur Sovjetiku Joseph Stalin.
Fil-fatt, Putin ilu President mill-2000 u minn dak iż-żmien hu kellu jqatta’ erba’ snin bħala Prim Ministru tar-Russja minħabba li l-Kostituzzjoni, dak iż-żmien, kienet tillimita l-Presidenza għal żewġ mandati biss. Għaldaqstant, Putin biddel ir-regoli b’mod li ppermettewlu li jikkuntesta mill-ġdid għal President fl-2024 u meta hu anki jista’ jidħol għall-istess proċess fl-2030 ladarba jagħlaq 78 sena.
F’dawn is-snin, Putin kompla jsaħħaħ il-kontroll assolut fuq l-istituzzjonijiet tar-Russja sal-punt fejn l-Oppożizzjoni – speċjalment wara l-mewt misterjuża tal-attivist ewlieni Alexei Navalny – saret kważi negliġibbli.
Madankollu, il-Kremlin irid juri din l-elezzjoni bħala waħda li tirrifletti tassew ‘ir-rieda u l-ħerqa tal-poplu għal Putin’. U għalkemm mhemm l-ebda dubju dwar ir-riżultat finali, il-Kremlin hu ansjuż ħafna li jkun hemm turnout għoli ta’ votanti biex ikun jista’ jirreferu għalih bħala ‘provi rrifjutabbli tal-popolarità tal-President’.
//= $special ?>