Lokali Qorti

Palumbo ordnata tagħti kumpens ta’ €208,871 lil omm inġinier Taljan li miet b’daqqa ta’ ċima

It-tarzna ta’ Palumbo ġiet ordnata mill-Imħallef Toni Abela tagħti kumpens ta’ €208,871 lil omm inġinier Taljan li tilef ħajtu traġikament wara li kien intlaqat b’ċima f’rasu wara li din kienet inqatgħet minn mal-makkinarju. Aniello Fariello miet fit-18 ta’ Jannar 2016 abbord il-bastiment MV Galaxy li kien għat-tiswija fil-Port il-Kbir.

Fariello, kien se jagħlaq 29 sena l-għada tal-mewt traġika tiegħu. Hu kien wasal Malta ftit tal-jiem qabel l-inċident biex jaħdem xogħol ta’ inġinerija, kif dejjem xtaq jagħmel minn meta kien żgħir. Il-mewta tiegħu kienet ingħatat prominenza  mill-ġurnali Taljani. Fariello ntlaqat f’rasu minn parti ta’ magna li kienet qed tintuża biex tħoll ċima ħalli jintrabat vapur tal-passiġġieri li ddaħħal fit-Tarzna.

Wara l-mewt ta’ missieru ftit tas-snin qabel, iż-żagħżugħ Taljan kien jgħix ma’ ommu fil-villaġġ ta’ Pisciotta, li jifforma parti minn Salerno. Wara li temm l-istudji tiegħu, hu daħal jaħdem mal-kumpanija Palumbo, li għandha wkoll fergħat fl-Italja u fi Franza. Il-ħidma tiegħu f’Malta kienet l-ewwel waħda għalih fl-inġinerija.

Ommu, Maria Matruscelli kienet fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija Palumbo, il-kumpanija Moby S.p.A bħala s-sid tal-bastiment, u Antonio Scotto Ciccariello bħala l-kaptan tal-bastiment.

Il-kumpanija Palumbo insistiet li ma kellhiex tort għax dak il-ħin ix-xogħol kien qed isir fuq il-bastiment, waqt li s-sid tal-bastiment u l-kaptan qalu li l-vittma la kien membru tal-ekwipaġġ u lanqas impjegat tal-kumpanija.

Madankollu kienet il-kumpanija Palumbo li nstabet responsabbli tal-inċident, bil-Qorti tasal għas-somma tad-danni fuq il-binarju li l-vittma kellu biss 29 sena u għalhekk potenzjalment seta’ jaqla’ ħafna iktar flus sa meta jasal għal età pensjonabbli. L-Imħallef Abela ordna lill-kumpanija Palumbo biex tagħti lil omm il-vittma l-imsemmi kumpens.

Ċeda rukkell

Mill-provi rriżulta li l-bastiment tant kien fi stat ħażin li lanqas ċertifikazzjoni ma kellu bil-konsegwenza li biex wasal Malta kellu jkun irmonkat mill-Greċja. Fariello tilef ħajtu meta l-bastiment kien qed ikun irmiġġjat b’rukkell li minnu kienet għaddejja ċima.

Kien hawn li r-rukkell ċeda u tqaċċat bil-konsegwenza li waħda miċ-ċimi sparat u laqtet lill-vittma f’rasu u miet mill-ewwel fuq il-post. L-Imħallef Abela qal li għalkemm Palumbo qalet li ma setgħetx tifhem kif il-vittma kien fuq il-bastiment, irriżulta li l-kuntratt tax-xogħol bejnha u bejn il-vittma kien jgħid li seta’ jingħata xogħol differenti mix-xogħol ewlieni tiegħu.

Il-ġudikant qal li jsibha diffiċli jemmen li l-Palumbo ma kinitx taf bil-preżenza frekwenti tal-mejjet fuq dan il-vapur, u żied li l-kumpanija kellha biżżejjed informazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-bastiment biex ma tesponix il-ħaddiema tagħha għall-perikli fejn anke qal li dan kien mimli sadid.

Qal ukoll li l-iktar li inkwetah kien il-fatt li ma kien hemm ebda uffiċjal tas-sigurtà fil-ħin tal-inċident kif kienet obbligata tara li jkun hemm il-Palumbo. Fl-istess waqt huwa ma sabx lill-kumpanija Moby S.p.A u lill-kaptan tal-bastiment Antonio Scotto Ciccariello ħatja għar-raġuni li ma kinux huma li impjegaw lill-vittma. Qal li huma kienu responsabbli tal-ekwipaġġ tagħhom.

Kien fir-responsabbiltà ta’ Palumbo li qabel tibda x-xogħol tivverifika r-riskji tal-perikli li kien hemm fuq dan il-vapur biex b’hekk tkun tista’ tieħu dawk il-miżuri kollha biex tħares lill-impjegati tagħha.