Lokali Saħħa

Pjan biex ċertu servizzi jitilqu mill-Isptar Royal Marsden; Puttinu kienu diġà ħasbu għal din il-possibbiltà

L-aħbar imxandra din il-ġimgħa mill-BBC dwar it-trasferiment ta’ ċertu servizzi mill-Isptar Royal Marsden ta’ Sutton lejn l-isptar tat-tfal Evelina, ma ġietx bħala sorpriża għat-tmexxija ta’ Puttinu Cares. Dan hekk kif id-diriġenti ta’ Puttinu kienu diġa’ ħasbu għal din l-eventwalità, tant li meta xtraw il-proprjetà l-ġdida fiċ-ċentru ta’ Londra raw li din tkun viċin l-isptar Evelina.

Sorsi kkonfermaw ma’ Net News li l-binja l-ġdida ta’ Puttinu tinsab 35 minuta biss mill-isptar Evelina. B’differenza, l-appartamenti ta’ Sutton jinsabu siegħa u nofs bogħod.

L-aħbar ippubblikata mill-BBC tgħid li t-trattament tal-kanċer li bħalissa qed jiġi pprovdut f’Sutton, se jiċċaqlaq lejn l-Evelina London Childern’s Hospital u l-isptar St George’s. Dan minħabba li dawn iż-żewġ kumplessi mediċi jipprovdu kura intensiva f’każ ta’ bżonn.

L-aħbar kienet ikkonfermata uffiċjalment ilbieraħ. Is-servizzi se jiċċaqalqu lejn l-aħħar tal-2026.

Bħalissa, madwar 1,400 tifel u tifla taħt il-15-il sena jingħataw kura għall-kanċer fir-Royal Marsden ta’ Sutton u fl-Isptar St George’s ta’ Tooting.

F’Sutton, Puttinu għandhom 20 appartament u sitta oħra mikrija.

Fil-post il-ġdid se jkun hemm 27 studio flat mifruxa fuq 4 sulari. Dan kemm-il darba jiġu approvati l-permessi għal estensjoni ta’ sular ieħor fuq il-binja li hemm.