Lokali

AĠĠORNATA: L-isparatura seħħet wara li l-pistola sparat b’mod aċċidentali f’Tas-Sliema fis-sagħtejn ta’ filgħodu

Każ misterjuż f’Tas-Sliema hekk kif fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu nstemgħa dak li ġie deskritt bħala ħoss ta’ sparatura minn blokka ta’ appartamenti.

Malti ta’ 50 sena residenti fl-imsemmija appartamenti qiegħed jassisti lill-Pulizija …illi ġew imsejħa wara li sar rapport fl-Għassa għall-ħabta tal-ħdax tal-Ġimgħa filgħodu.

Huma ġew imsejħa fi Triq il-Kbira fuq rapport dwar sparatura f’din il-blokka ta’ appartamenti – għalkemm sa issa, dan il-każ għadu kemmxejn misteru.

Fiz-zona kien hemm preżenza qawwija ta’ Pulizija, membri tal-forensika u anke ambulanza. Madanakollu fortunatament ħadd ma ġarrab ġrieħi.

Net News innota l-ħidma li kienet għaddejja mill-Pulizija sabiex tipprova tistabbilixxi eżatt x’seħħ; tant li f’ħin minnhom l-uffiċjali dehru jgħaddu minn appartament għall-ieħor bil-għan li jistabbilixxu bi preċiż minn fejn ġie dan il-ħoss ta’ sparatura.

Kien f’dan il-mument li l-Pulizija nnotaw binja li kellha xi ħsara…u kellmu lir-raġel ta’ 50 sena, sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet.

Aktar tard ġie stabbilit mill-Pulizija li kien għal ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu meta b’mod li s’issa għad irid jiġi stabbilit jidher li l-pistola tar-raġel sparat b’mod aċċidentali.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Abigail Critien.