Dalgħodu, in-nutar Robert Aquilina ħabbar li mhux se jibqa’ fit-tmexxija tal-għaqda Repubblika. Dan hekk kif ġie fi tmiemu t-terminu tiegħu fit-tmexxija ta’ din l-NGO.
F’post fuq Facebook, Aquilina qal li se jibqa’ jaħdem biex f’pajjiżna tirrenja l-ġustizzja u determinat li jibqa’ jirreżisti lil Joseph Muscat – speċjalment fil-każ li għaddej fil-Qorti dwar Vitals/Steward.
“Se nibqa’ mmexxi u nirrappreżenta lil Repubblika fil-kawżi li għandna fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali dwar il-kriminali tal-bank Pilatus u f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-inkjesta kriminali li rnexxielna niksbu dwar il-bejgħ frawdolenti ta’ tliet sptarijiet Maltin minn Joseph Muscat u l-kompliċi tiegħu. Fuq kollox, se nibqa’ nirreżisti bil-qawwa kollha t-tentattivi ddisprati ta’ Joseph Muscat biex iwaqqaf il-ġustizzja milli tieħu l-kors li għandha tieħu”, kiteb Aquilina.
Hu insista li dan hu mument kruċjali tal-ġlieda tagħna b’risq pajjiżna.
Robert Aquilina jemmen li “l-kawżi u l-inkjesti li bdejna aħna se jkunu strumentali biex isseħħ l-iżvolta li pajjiżna tant jeħtieġ. Għalhekk, se nkun qed niddedika l-enerġija kollha tiegħi biex niżgura li dawn il-battalji ta’ importanza vitali jitwasslu sal-aħħar u jġibu r-riżultati u l-iżvolta li rridu għal pajjiżna”.
//= $special ?>