Lokali Mużika

Serata ta’ mużika u spettaklu b’risq ALS Malta

ONSTAGE Malta ser ikunu qegħdin itellgħu il-Kirkop Music Festival fit-22 ta’ Ġunju. Dan il-festival li se jkun qed issir fir-raħal ta’ Ħal Kirkop u d-dħul hu b’xejn. Dan il-kunċert qed iwiegħed esperjenza indimentikabbli għal min iħobb il-mużika, li jinkludi DJs lokali tal-ogħla livell u t-tribute band Ingliża 21st Century Abba.

Il-Kirkop Music Festival se jkun qed jagħti appoġġ lill-ALS Malta+, organizzazzjoni ddedikata biex ittejjeb il-ħajja ta’ dawk milquta mill-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS). L-għan ta’ dan il-festival mhuhiex biss li titgawda mużika mill-aqwa, iżda li flimkien bħala komunità jappoġġjaw kawża denja u jagħmlu impatt pożittiv.

Il-lineup għal dan il-festival jinkludi t-talenti dinamiċi ta’ DJ Ryan Spiteri, DJ Panelli, u DJ Sandro, li se jkunu qegħdin idoqqu mużika mis-snin 80 u s-snin 90. Iżda dan mhux biss, għal min iħobb l-‘Golden Era’ tal-mużika pop, it-tribute band sensazzjonali 21st Century Abba, ser tkun qed tinterpreta s-suċċessi kollha tal-grupp fenomenali ABBA.