Għawdex Lokali

Studju jiżvela kif l-Għawdxin qed iħossu li Għawdex qed jitlef il-karatteristiċi biż-żieda esaġerata ta’ bini

Ritratt: Wirt Għawdex

L-Għawdxin qed iħossu li l-kwalità ta’ ħajjithom qed tonqos kif ukoll li l-gżira Għawdxija qed titlef il-karatteristiċi tagħha kaġun taż-żieda esaġerata ta’ bini matul dawn l-aħħar snin.

Dan ħareġ fi studju li sar mill-Fakulta għat-Tisħiħ fis-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta u li kien ikkummissjonat mill-ERA. L-istudju sar permezz ta’ survey, intervisti kif ukoll ‘focus groups’.

Minn dan l-istudju ħareġ li l-Għawdxin qed iħossu z-zoni rurali f’Għawdex inbidlu kompletament kaġun ta’ żviluppi kbar ta’ bini dan hekk kif l-Għawdxin qed jaraw li l-gżira Għawdxija qed timtela’ b’appartamenti li jintużaw għal perjodu qasir matul is-sena.

Apparti minn hekk, bosta parteċipanti qalu li jixtiequ konnettività aktar stabbli bejn Malta u Għawdex fejn iddeskrivew dan il-ħsieb bħala wieħed neċessarju kif ukoll bħala dritt.

Din mhux l-ewwel darba li numru ta’ għaqdiet ilmentaw dwar l-iżvilupp esaġerat f’Għawdex fejn f’Jannar li għadda l-Kurja ta’ Għawdex, fi stqarrija iebsa immens, appellat lill-awtoritajiet sabiex jipproteġu l-wirt kulturali ta’ Għawdex.