Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li ta daqqa ta’ ponn lil turist li kien għadu kemm jasal Malta

Żagħżugħ ġie mixli li weġġa’ serjament turist li mbottah waqt argument li nqala’ wara ħabta bejn żewġ karozzi fil-bidu tal-vaganza tiegħu f’Malta. It-turist kien ilu Malta biss ftit aktar minn siegħa meta allegatament qala’ daqqa ta’ ponn f’għajnejh ix-xellugija minn Owen Cremona ta’ 25 sena, minn Ħal Tarxien, f’ħabta li seħħet f’Ħal Luqa.

L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Maġistrat Kevan Azzopardi li t-turist Daniż kien qed isuq tul Triq il-Kunsill tal-Ewropa, fl-10 ta’ Marzu meta kien involut f’ħabta ma’ karozza misjuqa minn missier l-imputat. It-tnejn ħarġu mill-karozzi tagħhom u rriżulta li t-turist imbotta lis-sewwieq l-ieħor.

Dak kien meta t-tfajla ta’ Cremona ċemplet lill-għarus tagħha biex tgħidlu x’ġara, bl-akkużat jasal fuq il-post malajr. Mal-wasla tiegħu, it-turist ipprova jimbotta lil Cremona li allegatament irritalja billi tah daqqa ta’ ponn f’għajnejh, u kkaġunalu ġrieħi gravi, semgħet il-Qorti.

Cremona qed iwieġeb mhux ħati. Waqt is-sottomissjonijiet, l-avukat difensur Franco Debono innota kif il-Pulizija għażlet li tressaq il-qorti lil suspettat bl-użu ta’ ċitazzjoni b’urġenza li rari tintuża minflok taħt arrest f’każ fejn żewġ xhieda barranin kellhom iħallu l-gżira fi ftit jiem.

F’każijiet bħal dawn, il-pulizija normalment tressaq il-Qorti lis-suspettat taħt arrest biex tkun tista’ tisma’ b’urġenza lix-xhieda, ħafna drabi barranin, li jkunu jridu jitilqu mill-pajjiż. L-Avukat Debono qal li din kienet il-proċedura t-tajba li għandha tiġi adottata meta l-unika raġuni biex jitressaq il-Qorti taħt arrest kienet għaliex ix-xhieda dalwaqt kienu se jħallu l-gżira.

Qal li huwa inġust li persuna taħt arrest titressaq f’ċirkustanzi bħal dawn meta l-liġi tipprovdi proċedura alternattiva – dik ta’ ċitazzjoni urġenti – li laħqet l-istess għan mingħajr ma toħnoq bla bżonn il-libertajiet fundamentali.

L-Avukat Adreana Zammit dehret ukoll għall-akkużat.