Internazzjonali

Aktar attakki terribbli jolqtu l-kamp ta’ Nuseirat f’Gaza

L-aħħar attakki Iżraeljani ffukaw fuq il-kamp ta’ Nuseirat fil-parti ċentrali ta’ Gaża fejn mill-anqas 36 persuna nqatlu matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’attakk wieħed biss. Ħafna mill-vittmi kienu nisa u tfal.

Is-Sibt filgħodu komplew l-attakki fuq il-kamp ta’ Nuseirat u nqatlu mill-anqas seba’ persuni oħra.

L-attakki qed iseħħu fi spazju żgħir li huwa densament popolat, u huwa fatt terribbli li l-Iżrael mhu qed jieħu l-ebda prekawzjoni biex jipproteġi liċ-ċivili.

Sadattant, f’taħditiet ġodda bejn l-Iżrael u l-Ħamas, biex jinnegozjaw waqfien mill-ġlied, huma mistennija jibdew fil-Qatar kmieni l-Ħadd waranofsinhar, iżda hemm possibiltà li jiġu skedati għat-Tnejn.

It-taħditiet se jsiru hekk kif Iżrael qed jiżen ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u skambju ta’ priġunieri propost mill-Ħamas.

Il-ftehim huwa maqsum fi tliet stadji – l-ewwel joffri r-ritorn ta’ 35 priġunier Iżraeljan bi tpattija għall-ħelsien ta’ 350 priġunier Palestinjan u aktar tard jitlob għall-irtirar ta’ Iżrael minn Gaża u t-tneħħija tal-imblokk.

Filwaqt li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-ftehim huwa “delużjonali”, xorta waħda se jibgħat delegazzjoni Iżraeljana ta’ livell għoli, flimkien mal-kap tal-ispjuni tal-Mossad, biex jieħdu sehem fin-negozjati.

Intant, it-tieni tagħbija ta’ għajnuna tal-ikel hija lesta biex titlaq bil-baħar minn Ċipru għal Gaża, wara li l-ewwel vjaġġ t’għajnuna niżel fl-enklavi Palestinjana assedjata matul il-lejl.

Il-President Ċiprijott qal li l-ewwel vapur beda jirritorna lejn Ċipru, u huma lesti li jibagħtu t-tieni tgħabija.  Il-vapur b’240 tunnellata ta’ għajnuna, jinsab ankrat fil-port ta’ Larnaka jistenna biex jitlaq.

Sadanittant, anke l-militar Amerikan wettaq għajnuna umanitarja fuq it-Tramuntana ta’ Gaza b’kooperazzjoni mal-forza tal-ajru tal-Ġordan.

Għajnuna ta’ madwar 170kg ta’ ross, dqiq, ħalib, għaġin u ikel fil-laned tniżżlu minn ajruplan militari tal-merkanzija.