Lokali

Bernard Grech iqatta’ tmiem il-ġimgħa fost l-Għawdxin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech beda biż-żjarat tiegħu fil-gżira Għawdxija billi qatta’ waranofsinhar iżur il-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira mtella’ mill-Għawdxin, akkumpanjat minn martu AnneMarie.

L-ewwel wirja li żar kienet f’ta’ De Lorenzo fi Triq Mannar Nazzarenu, ix-Xagħra. Wara żar il-wirja ta’ Salvu Cremona fi Pjazza Santu Wistin, quddiem l-Orotarju Don Bosco, u iktar tard żar l-aħħar wirja għall-ġurnata fil-mużew tal-Ħaġar fi Pjazza San Ġorġ.

Matul dawn iż-żjarat, diversi Għawdxin kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ Bernard Grech dwar diversi temi li qed jaffetwawhom ta’ kuljum.

Intant, għada l-Kap tal-PN se jkompli biż-żjarat tiegħu fl-irħula u bliet Maltin u Għawdxin, b’din id-darba se jkun qed iżur Għajnsielem biex jiltaqa’ man-nies għall-ħabta tad-9 am. Imbagħad, fil-11 am imur fil-Pjazza l-Arċipriet Martin Camilleri, in-Nadur fejn se tkun qed issir attività politika mill-Partit Nazzjonalista indirizzata fost l-oħrajn minn Bernard Grech. Wara se jkompli jiltaqa’ mal-Għawdxin fl-istess lokalità.