Sport Waterpolo

Bidu b’saħħtu mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: Timmy Cutugno)

MALTA……………. 15

SLOVAKKJA…….. 7

(4-1), (5-4), (3-1), (3-1)

Bidu pożittiv għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena fl-ewwel impenn tiegħu minn Grupp Ċ tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. It-tim immexxi minn Niki Lanzon beda tajjeb u qatt ma tilef il-vantaġġ tul il-logħba. It-tieni impenn tat-tim Malti f’Lodz hu llum kontra l-Polonja fis-6.30pm.

Max Zammit poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel sessjoni u wara risposta immedjata tas-Slovakki, Malta skorjat tliet darbiet fl-aħħar żewġ minuti u nofs biex temmet l-ewwel sessjoni 4-1. Il-plejers Maltin ikkonsolidaw il-vantaġġ fit-tieni sessjoni u ma ħallewx lill-avversarji jersqu viċin u sal-aħħar sekondi tas-sessjoni kienu 9-4 minn fuq sakemm Benjamin Ilias naqqas id-distakk.

Gowls minn Max Zammit, Jayden Cutajar u Jake Cachia aċċertaw ir-rebħa għat-tim Malti fit-tielet sessjoni u l-unika risposta tas-Slovakkja kienet biss permezz ta’ Matej Kumicak fl-aħħar minuta tas-sessjoni. It-tim Malti kkontrolla imma rebaħ ukoll l-aħħar sessjoni b’doppjetta ta’ Max Zammit u gowl ta’ Zak Cutajar Licari.

Malta: Z. Dzanovic, L. Mallia (1), J. Valletta (1), J. Cassar (2), J. Cachia (1), D. Bugeja, M. Zammit (5), J. Cutajar (3), E. Schembri, K. Borg, A. Fenech (1), Z. Cutajar Licari (1), S. Livori

Slovakkja: F. Balogh, D. Klescinsky, S. Stanga (1), L. Cebo, M. Kumicak (2), M. Matejka, B. Ilias (3), M. Valko, M. Siagi, I. Kopolovets (1), M. Wawrek, T. Cifra, A. Porubsky

Referees: Maxim Gerasimov (Renju Unit), George Makharadze (Georgia)