Rowen Camilleri
Il-Ħamis li għadda nfetħet il-21 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier fejn kellna r-rebħa importanti li kisbu Naxxar Lions fuq Birkirkara, fejn issa tista’ tgħid li għandhom sieq ġewwa f’dik li hi konferma mal-kbar tal-futbol Malti l-istaġun li ġej. Filfatt Naxxar issa jmisshom żewġ konfronti kontra timijiet kważi relegati, l-ewwel kontra Gudja mbagħad kontra Sirens.
Hekk kif illum ikompli l-logħob minn din il-21 ġurnata, konfronti diffiċli għat-timijiet li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet fil-klassifika tal-Kampjonat hekk kif il-leaders Ħamrun Spartans jiltaqgħu kontra t-tim fir-raba’ post Marsaxlokk filwaqt li l-eqreb rivali tagħhom Floriana jkunu involuti fid-derby l-antik kontra t-tim fit-tielet post Sliema Wanderers, biż-żewġ logħbiet jintlagħabu llum fl-Istadium Nazzjonali. Barra minn hekk logħba oħra li hija waħda diretta hija dik bejn Santa Lucia u Valletta, din id-darba iżda min-naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif Santa Lucia jinsabu fil-11-il post bi 22 punt filwaqt li Valletta jinsabu taħthom b’20 punt u għalkemm wara dan il-konfront ikun għad fadal ħames logħbiet, telfa għat-tim mill-Kapitali tkun qed tagħmilha diffiċli mmens għal dan it-tim biex isalva postu fejn imdorrijien narawh, iġifieri fil-Kampjonat Premier.
Floriana vs Sliema Wanderers | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
‘Id-Derby l-Antik’ huwa l-aktar konfront mistenni f’din il-21 ġurnata tal-kampjonat, mhux biss għall-istorja li jġib miegħu, iżda għax huwa konfront li għandu jkun wieħed ibbilanċjat bejn tnejn mill-aktar timijiet fil-forma dan l-istaġun, Floriana u Sliema Wanderers. Dawn iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa fl-aħħar ħarga bil-Greens li kif kien mistenni ma sabu l-ebda diffikultà biex għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Blues li sal-84 minuta kienu għadhom fi draw ta’ 1-1 kontra Santa Lucia biex gowls mis-sostituti Vito Plut u Neil Frendo taw rebħa lit-tim immexxi minn Paul Zammit li issa kabbru l-vantaġġ fuq Marsaxlokk u Birkirkara għall-11-il punt. Bla dubju li Floriana jridu akkost ta’ kollox jieħdu rebħa f’dan l-istadju sabiex jibqgħu jiġġieldu għat-titlu ma’ Ħamrun li min-naħa tagħhom għandhom konfront diffiċli kontra Marsaxlokk. Minkejja li Sliema jinsabu xi ftit ixxamplati fit-tielet post, rebħa kontra Floriana tqarribhom ukoll lejn it-tieni post fejn id-distakk jonqos għal 4 punti. Fl-ewwel round kienu Floriana li ħadu l-punti massimi b’rebħa ta’ 2-0.
Ħamrun Spartans vs Marsaxlokk | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Wara l-konfront bejn Floriana u Sliema, illum ukoll fl-Istadium Nazzjonali jiltaqgħu l-leaders Ħamrun Spartans u Marsaxlokk, wieħed mit-timijiet fit-taqtigħa għar-raba’ post. Ħamrun il-ġimgħa l-oħra, wara żewġ riżultati ta’ draw kontra Sliema u Valletta rispettivament, irritornaw għar-rebħ fejn b’mod konvinċenti għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-0. Dan il-konfront huwa wieħed diffiċli għall-Ispartans għaliex minbarra li se jilagħbu kontra skwadra valida ħafna, wara t-telfa ta’ Birkirkara kontra Naxxar, Marsaxlokk issa għandhom iċ-ċans li b’rebħa jkunu qed jokkupaw ir-raba’ post waħidhom, filwaqt li riżultat ta’ draw jew telfa jista’ jpoġġihom fil-ħames post, hekk kif Hibernians, li jinsabu biss punt taħthom, fuq il-karta m’għandomx konfront iebes hekk kif se jkunu qed jilagħbu kontra Sirens. Fid-difiża Ħamrun se jkollhom nieqes lil Steve Borg li fir-rebħa kontra Mosta tkeċċa b’karta ħamra diretta. Fl-ewwel konfront bejn it-tnejn, Ħamrun kisbu rebħa minima ta’ 1-0 b’gowl tal-aqwa skorer tal-kampjonat Luke Montebello.
Hibernians vs Sirens | Illum, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Din il-ġimgħa, Hibernians għandhom interess fil-konfront bejn Ħamrun u Marsaxlokk minħabba li jinsabu biss punt taħt ix-Xlukkajri u għalhekk għandhom l-opportunità li jaqbżuhom u jitilgħu fir-raba’ post. Ovvjament però Hibernians iridu jagħmlu ċert li Sirens, minkejja l-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika, ma joħolqux xi diżappunt u jisirqulhom xi punti li jistgħu ikunu determinanti biex l-istaġun ta’ Hibernians ikompli jkun wieħed deludenti. Sirens, bħal Gudja din il-ġimgħa jistgħu jkunu relegati matematikament wara ħames staġuni jilagħbu mal-kbar tal-futbol Malti, fejn fl-ewwel staġun kisbu wkoll kwalifikazzjoni storika għall-kompetizzjoni Ewropea, iżda dan l-istaġun iddiżappuntaw bi kbir fejn il-pjan ta’ nukleu ta’ plejers mill-Ghana falla kompletament u r-riżultati ħżiena kienu konsistenti tul l-istaġun kollu fejn rebħu biss darba, proprju kontra t-tim ta’ taħthom Gudja United. F’Novembru li għadda Hibernians għelbu lil Sirens 2-1.
Santa Lucia vs Valletta | Illum, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront li jista’ jkun wieħed determinanti għall-futur ta’ dawn iż-żewġ timijiet li jinsabu fiż-żona l-ħamra, b’Santa Lucia li jinsabu fil-ħdax-il post bi 22 punt filwaqt li Valletta jisabu taħthom b’20 punt. Fatt komuni li hemm bejn dawn iż-żewġ timijiet hu, li wara dan il-konfront, il-logħbiet kemm ta’ Santa Lucia kif ukoll ta’ Valletta huma diffiċli u għalhekk min ma jirnexxielux jinqala’ mill-aħħar pożizzjonijiet din il-ġimgħa se jsibha diffiċli mmens biex jagħmel dan fil-ġimgħat li ġejjin. Minkejja dan, min jirbaħ xorta waħda mhux se jserraħ rasu hekk kif se jkun għad fadal 5 logħbiet u kollox jista’ jiġri, pero kif għedna, it-tellief ta’ dan il-konfront se jieħu daqqa ta’ ħarta kbira fil-ġlieda għas-salvazzjoni. Imsomma dan għandu jkun konfront bilanċjat u mistenni, bejn żewġ timijiet li qed jittamaw li jisspiċċaw l-istaġun fuq nota daqxejn pożittiva u jikkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier l-istaġun li ġej. Bla dubju, u mingħajr diżrispett lejn Santa Lucia, wieħed jistenna aktar minn Valletta li jqumu għall-okkażżjoni minħabba l-kobor tal-isem u li tkun sorpriża jekk ikunu relegati. Fl-ewwel round, gowl sitt minuti fuq il-ħin regolamentari salva punt għal Santa Lucia fi draw ta’ 1-1.
Balzan vs Gudja United | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Opportunità għal Balzan sabiex huma wkoll jiksbu tliet punti li jtuhom xi ftit tan-nifs għalkemm xorta waħda ma jserħulhomx rashom, hekk kif fl-ewwel logħba tal-Ħadd, fit-Tony Bezzina Stadium huma jiltaqgħu kontra Gudja United, tim li mistenni jkun relegat matematikament din il-ġimgħa. Ftit hemm x’wieħed jgħid fuq dan il-konfront li, għalkemm Balzan fil-kampjonat ilhom ma jirbħu tmien logħbiet, u minkejja li fl-ewwel round kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 mill-istess Gudja, għada mistennija jibdew favoriti netti kontra l-uniku tim bla rebħa fil-kampjonat u li se jkunu ġejjin minn għaxar telfiet infila. Oliver Spiteri se jkun mingħajr id-difensur Serb Ivan Bozovic li tkeċċa wara biss kwarta kontra Naxxar u ġie sospiż tliet logħbiet.
Gżira United vs Mosta | Għada, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
L-aħħar konfront mill-21 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier huwa dak ta’ għada ukoll fit-Tony Bezzina Stadium bejn Gżira United u Mosta. Żewġ punti biss qed jifirdu lil dawn iż-żewġ timijiet, bi Gżira li jinsabu fit-tmien post b’25 punt filwaqt li Mosta jinsabu fl-għaxar post bi 23, punt biss ‘il bogħod miż-żona l-ħamra. Wara serje ta ‘ riżultati pożittivi, Gżira issa naqqsu milli jirbħu fl-aħħar żewġ ħarġiet tagħhom u bla dubju li minn dan il-konfront għandhom bżonn il-punti massimi, anke meta wieħed jara l-kalendarju tagħhom fejn wara dan il-konfront fil-kampjonat jaffaċċjaw wara xulxin lil Marsaxlokk, Ħamrun u Birkirkara rispettivament. Min-naħa l-oħra l-Mostin jinsabu xi ftit aktar imissu r-relegazzjoni u għalhekk aktar iridu tliet punti minn dan il-konfront, għaliex jiġri x’jiġri fil-logħba bejn Santa Lucia u Valletta huma se jkunu jew qed jintlaħqu jew agħar minn hekk jinqabżu u jsibu ruħhom għal darb’oħra mal-aħħar erbgħa jekk jonqsu milli jirbħu. Fl-ewwel laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun, Gżira ħarġu rebbieħa 3-0 bil-gowls jaslu minn doppjetta ta’ Thaylor Aldama, li din id-darba huwa sospiż, u gowl ieħor ta’ Gabriel Bohrer.
//= $special ?>