Futbol Sport

Ħamrun Spartans jiżolqu u jinżlu fit-tieni post b’telfa kontra Marsaxlokk

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S…………1

MARSAXLOKK……2

Ħamrun S: H. Bonello, J. Mbong, E. Frietas, B. Ederson (R. Prsa 65’), J. Corbalan, C. Rutjens, N. Kristic (S. Paintsil 65’), E. Marcelina, J. Torres, U. Djuranovic, L. Montebello

Marsaxlokk: M. Drobnjak, W. Silva, K. Micallef, N. Muscat, J. Ghio (D. Bonnici 77’), Y. Messias (N. Portelli 84’), L. Aguirre, N. Raden, R. Scicluna, S. Akinbule (A.Obonogwu 87′), F. Gomes (S. Baokye 84’)

Imwissija: B. Ederson 36’, J. Mbong 51’ (Ħ), J. Ghio 45’, L. Aguirre 66’, M. Drobnjak 90+1’) (M)

Skorja: Y. Messias 52’ pen, S. Boakye 90+6’(M), R. Prsa 86’ (Ħ)

Referee: Ishameal Barbara

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Kurt Saliba

BOV Plejer tal-Logħba: Yuri Messias (Marsaxlokk)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Yuri Messias (Marsaxlokk)

Ħamrun Spartans tilfu posthom fil-quċċata tal-Kampjonat Premier hekk kif wara li Floriana għelbu lil Sliema fil-logħba ta’ qabel, sofrew telfa ta’ 2-1 fl-aħħar sekondi kontra Marsaxlokk.

Din kienet it-tieni telfa tal-istaġun għall-Ispartans wara li kienu tilfu lura f’Diċembru kontra Birkirkara.

Fl-20 minuta azzjoni tajba għal Ħamrun meta kien Joseph Mbong li mix-xellug tefa’ kross fil-kaxxa fejn sab tajjeb lil Uros Djuranovic li b’daqqa ta’ ras impenja lil Drobnjak li kellu jsalva f’żewġ tentattivi.

Ħamrun b’ċans ieħor fl-34 minuta meta l-goalkeeper Xlukkajr Drobnjak ma żamx tajjeb il-ballun u approfitta Mbong li għadda lejn Uros Djuranovic li prova t-tentattiv iżda kien Werder Silva li tajjar fl-aħħar ħinijiet.

Iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls wara taqsima nieqsa mill-azzjonijiet perikolżi.

Bidu mill-aqwa għal Marsaxlokk fit-tieni taqsima hekk kif fil-51 minuta ingħataw penalty wara li Joseph Mbong waqqa’ lil Yuri Messias fil-kaxxa, bl-istess Messias jinkariga mill-11-il metru u jitfa’ lil Bonello naħa u l-ballun in-naħa l-oħra.

Fis-56 minuta Ederson għadda ‘l quddiem lejn Montebello iżda Drobnjak ħareġ tajjeb u laqa’ l-konklużjoni tan-numru 7 ta’ Ħamrun Spartans.

Masaxlokk irnexxilhom iżommu lill-plejers ta’ Ħamrun ‘il bogħod mil-lasti ta’ Drobnjak sas-87 minuta fejn kien kross mill-isbaħ ta’ Joseph Mbong lejn is-sostitut Roko Prsa li daħal tajjeb u b’daqqa ta’ ras għeleb lill-golakeeper Serb ta’ Marsaxlokk u għamel l-iskor indaqs.

Meta kollox deher li l-partita kienet se tispiċċa fi draw ta’ 1-1, kross fl-aħħar sekondi ta’ Duane Bonnici jsib lil Samuel Boakye fil-post opportun li l-ewwel daqqa ta’ ras tiegħu tkun milqugħa minn Bonello bil-ballun jerġa’ jiġi fuq ras l-istess Boakye li din id-darba tefa’ wara Bonello fost il-ferħ tal-partitarji l-aktar ta’ Floriana li baqgħu isegwu b’interess il-partita.