Lokali

“It-taħwid tal-Eżekuttiv” fil-Ministeru ta’ Miriam Dalli qed isir evidenti aktar minn qatt qabel – PN

Bħalma qalet l-Inkjesta, qed ngħixu fi Stat ta’ “taħwid fil-qasam tal-Eżekuttiv, fejn kulħadd jimxi fuq il-binarju tiegħu”. 

Jekk taħt it-tmexxija tal-Ministru Miriam Dalli, il-WSC u l-Enemalta mhux kapaċi jikkordinaw bejniethom f’manutenzjoni li kellha tkun ppjanata, entitajiet li l-istess l-Ministru hija responsabbli tagħhom, kif jista’ dan il-pajjiż iserraħ moħħu li d-distribuzzjoni tas-servizzi essenzjali u l-ġenerazzjoni ta’ pajjiżna se jservuna tajjeb għas-snin li ġejjin?

Din l-inċertezza fis-settur tistona mal-ħtiġijiet tal-poplu u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jfakkar li għandu pjan ċar u dettaljat biex in-nies ikollhom servizz tal-enerġija li jixirqilhom, servizz stabbli, reżiljenti u li jistgħu jserrħu fuqu s-sena kollha. Pjan li ġie mniedi fl-eqqel tal-kriżi li l-Gvern ġab fuq il-poplu matul is-sajf li għadda.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus.