Lokali

Rekord tal-akbar qagħqa tal-appostli f’Malta

Attività organizzata mill-Iskola ta’ Stella Maris fil-Gżira għal żmien l-Għid wasslet biex inkiseb rekord nazzjonali tal-ikbar qagħqa tal-appostli magħmula minn għadd ta’ bziezen magħqudin.

Din l-attività saret waqt Open Day fl-isem ta’ Quaresima fejn wieħed seta’ japprezza x-xogħol ta’ dedikazzjoni biex saret din il-qagħqa tal-appostli li tkejjel ċirkonferenza ta’ 23.77 metru.

Kull bezzun, li finalment joħloq il-qagħqa tal-appostli, ikejjel medja ta’ 35 ċentimetru; xogħol li sar min-furnar Qormiż li għen sabiex dan ikun possibli.

Net News tkellem ma’ Jeffrey Saliba, membru tal-ġurija fi ħdan The Malta Records, li awgura għal dan ir-rekord li nkiseb.

Dan l-avveniment mhux biss juri l-eċċellenza akkademika tal-iskola iżda wkoll jiċċelebra l-wirt kulturali għani ta’ Malta f’dawn iż-żminjiet, kif spjega is-surmast ta’ din l-iskola, Manuel Cillia.

Matul din l-ġurnata kien hemm bosta attivitajiet għal familja kollha sabiex jidħlu fl-ispirtu tal-Għid bħal prayer spaces, adorazzjoni u reċta tal-Ġimgħa l-Kbira, esebizzjoni tal-arti, u saħansitra salib magħmul mit-tafal li nħadem mil-istudenti ta’ din l-istess skola.