Sport Waterpolo

Tkompli l-kullana ta’ kwalifikazzjonijiet fil-waterpolo għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej

(Ritratt: ASA)

POLONJA………. 4

MALTA…………….11

(0-3), (1-3), (2-3), (1-2)

Għal edizzjoni oħra, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena se jikkompeti fost l-aqwa nazzjonijiet tal-Ewropa hekk kif waslet kwalifikazzjoni oħra għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Dan wara li t-tim immexxi minn Niki Lanzon bena fuq ir-rebħa kontra s-Slovakkja, b’rebħa oħra komda kontra l-Polonja, xhieda tal-livell li dawn iż-żgħażagħ qed jilħqu. B’hekk dan l-isport kompla jikkonferma l-potenzjal f’aktar minn kategorija waħda.

Penalty ta’ Jayden Cutajar u gowls ta’ Kieyan Borg u Alex Fenech (tal-aħħar minn man-up) indirizzaw il-logħba tat-tim Malti fl-ewwel sessjoni. Il-Pollakki fuq in-naħa l-oħra tilfu erba’ okkażjonijiet ta’ superjorità numerika. Għalkemm il-Pollakki naqqsu d-distakk kmieni fit-tielet sessjoni, iż-żgħażagħ Maltin komplew jikkonsolidaw il-vantaġġ bi tliet gowls oħra.

Kieyan Borg waqt azzjoni tat-tim Malti (Ritratt: Timmy Cutugno)

Il-vantaġġ kompla jiġi kkonsolidat fit-tielet sessjoni hekk kif it-tim Malti aċċerta mir-rebħa b’żewġ gowls ta’ Jayden Cutajar u Jake Cachia għal distakk ta’ 8-1. Fl-aħħar sessjoni u nofs, il-logħba ħadet żvolta oħra, bit-tim Malti jikkontrolla mingħajr wisq diffikultà. Il-Polonja naqqset id-distakk għal 9-4 sakemm żewġ gowls lejn nofs l-aħħar sessjoni minn Jake Cachia u Alec Fenech issiġillaw ir-rebħa. Malta tilgħab l-aħħar logħba għada fid-9.30am kontra l-Bulgarija.

Polonja: J. Skalinski, L. Stepinski, P. Kedzior (2), J. Zabski, F. Szulc (1), W. Staniszewski (1), B. Grabinski, M. Janicki, M. Ciula, A. Pyrek, M. Wajler, K. Greif, I. Bankowski

Malta: Z. Dzanovic, L. Mallia, J. Valletta, J. Cassar, J. Cachia (3), D. Bugeja, M. Zammit, J. Cutajar (3), E. Schembri, K. Borg (1), A. Fenech (4), Z. Cutajar Licari, S. Livori

Referees:  Alban David (Franza), Maxim Gerasimov (Renju Unit)