Lokali

Twaqqfet il-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott

F’għeluq it-tnax-il sena mill-mewt ta’ Dun Peter Serracino Inglott tnediet fondazzjoni li ser tieħu ħsieb tfakkar, tiġbor u xxerred l-ideali u l-ideat innovattivi li jseddqu il-ġid komuni tal-bniedem. L-attività saret illejla fis-Sala Robert Samut il-Floriana wara quddiesa fil-Knisja ta’ Sarria ċelebrata minn Monsinjur Arċisqof Charles J Scicluna.

Il-Perit Richard England, kollaboratur ta’ Dun Peter u ħabib għal aktar minn 60 sena, għamel id-diskors inawgurali. Tkellem dwar il-ħidma tagħhom flimkien kif ukoll dwar ir-rikonoxximent li Dun Peter kellu barra minn Malta. Il-Professur England temm fuq nota personali: dwar kif bil-mewt ta’ Dun Peter iħoss li ċċartu kapitli sħaħ mill-ktieb ta’ ħajtu wkoll.

Dun Peter Serracino Inglott huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa mħuħ kreattivi Maltin. Huwa kien studjuż u riċerkatur tul ħajtu kollha, studja f’diversi universitajiet barra minn Malta, għal snin twal kien professur tal-filosofija fl-Università ta’ Malta u r-Rettur tal-istess Università għal sitt snin, bejn l-1987 u l-1988, u l-1991 u l-1996. Għallem f’diversi universitajiet barra minn Malta u ġie onorat minn diversi universitajiet u gvernijiet. Għamel snin jaħdem fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara kif ukoll kien konsulent tal-Gvern Malti u wieħed mir-rappreżentanti Maltin għall-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa fl-2002 u l-2003.

Dun Peter kien ordnat saċerdot fl-1962 f’Milan mill-Kardinal Giovanni Battista Montini, li sena wara kien elett il-Papa Pawlu VI u fl-2018 kien kanonizzat qaddis. Peter Serracino Inglott ħadem bla heda favur il-ġid komuni tal-poplu Malti u tal-umanità. Huwa għadda ħajtu jaħdem fost iż-żgħażagħ u l-ħaddiema, ixerred is-sbuħija tal-ħajja u tal-valuri imnissla mill-Evanġelju, l-aktar il-ġustizzja soċjali, il-libertà u l-ambjent. Kien mudell għal ħafna Maltin, nisa u rġiel ta’ ideat differenti, u kien magħruf għall-umiltà tiegħu kif ukoll għal kemm kien jgħin lil kull min kien jitlob l-għajnuna tiegħu.

Il-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott twaqqfet b’att pubbliku fid-19 ta’ Jannar 2024. L-ewwel Bord ta’ Amministraturi hu kompost mill-fundaturi Louis Galea, Petra Caruana Dingli, Ranier Fsadni u l-Madre Badessa tal-Monasteru San Pietru, Sor Maria Adeodata Testaferrata de Noto OSB. Is-sede uffiċjali tal-fondazzjoni tinsab fil-Monasteru San Pietru, l-Imdina, fejn ġew miġbura l-arkivji, dokumenti, kitbiet u memorabilja ta’ Peter Serracino Inglott.

Il-ħajja u l-ħidma tal-Professur Dun Peter Serracino Inglott tixhed bniedem tal-ogħla valuri li huwa mhux biss ghexhom fil-ħajja ta’ kuljum imma iddedika ħajtu sabiex ixxettilhom fi bniedmin oħra f’kull qasam kull fejn kien f’Malta u barra.

Fost l-iskopijiet tal-Fondazzjoni hemm il-ħidma favur l-avvanz soċjali u komunitarju, inkluż l-avvanz tal-ħarsien u tat-titjib ambjentali, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, riżoluzzjoni tal-kunflitti, demokrazija u rikonċiljazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni tal-kultura, l-arti in ġenerali u l-wirt nazzjonal.

Il-fondazzjoni ser taħdem biex tfakkar u żżomm ħaj il-patrimonju ta’ xhieda, ħsebijiet u tagħlim li għalihom hu magħruf il-Professur Dun Peter Serracino Inglott f’kull qasam li kopra bħala saċerdot, għalliem, kittieb, librettist, professur u Rettur fl-Università ta’ Malta, u konsulent ta’ gvernijiet differenti f’Malta u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-fondazzjoni hi responsabbli li tikkonserva l-arkivji ta’ Peter Serracino Inglott biex il-memorja, l-impenn, is-sagrifiċċju, il-ħsibijiet, il-kitbiet u l-kisbiet akkademiċi u kulturali ta’ Peter Serracino Inglott mhux biss jiġu valorizzati iżda wkoll l-għarfien dwarhom jinxtered billi dawn l-istess arkivji jkunu aċċessibbli għar-riċerka u b’hekk ikun jista’ jingħaraf aħjar il-kontribut u l-validità tal-ideat u l-ħsieb oriġinali ta’ Peter Serracino Inglott.

B’mod partikolari l-fondazzjoni għandha:

a) ixxerred għarfien dwar il-kontribut ewlieni ta’ Peter Serracino Inglott fost oħrajn fl-oqsma li l-aktar kienu jinteressawh, inkluż ir-reliġjon, il-filosofija, il-kultura, l-edukazzjoni, il-ġid u l-wirt komuni tal-bniedem, id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, il-paċi u l-ġustizzja fid-dinja l-aktar fil-Mediterran, affarijiet marittimi, il-mezzi tal-kommunikazzjoni, u x-xjenza politika, u dawn kollha b’riferenza partikolari għas-soċjetá Maltija;

b) tiġbor, tirċevi u tikkonserva arkivji, kotba, memorabilja u kull xogħol ieħor fi kwalunkwe forma li fil-fehma tal-Bord jixħtu dawl fuq il-wirt intellettwali tiegħu;

ċ) tassigura li l-arkivji jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u għall-akkademja taħt

kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord;

d) u tinkoraġixxi studji u riċerka ta’ kwalità fl-oqsma li kienu għal qalb Peter Serracino Inglott b’dawk il-mezzi li jistgħu jkunu disponibbli għall-Fondazzjoni.

Il-fondazzjoni tista’ tiġi avviċinat permezz ta’ imejl fl-indirizz: fondazzjonipsi@gmail.com.